Lokali

Wara l-kritika dwar is-sigurtà, Robert Abela jibqa’ jiddefendi lil Byron Camilleri

Pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni fejn għandu Prim Ministru li spiċċa jikkontradixxi lilu nnifsu stess. Għaliex wara li esprima tħassib dwar is-sigurtà fit-toroq, u l-inkwiet li għandu dwar it-tifla tiegħu…issa qed jgħid li għandu fiduċja f’Byron Camilleri; l-istess Ministru li taħtu taqa’ r-responsabbiltà tas-sigurtà ta’ pajjiżna.

It-Tnejn li għadda b’mod ċar Abela qal li ma jħossux komdu li jħalli lil bintu timxi waħedha fit-triq tant li qal li pajjiżna spiċċa f’sitwazzjoni inaċċettabbli.

Bi kliemu stess Abela ta ċertifikat ta’ falliment lill-Ministru Byron Camilleri li huwa responsabbli mis-sigurtà f’pajjiżna; Ministru li Abela poġġih f’din il-kariga kważi sena ilu.

Iżda l-Ġimgħa, l-istess Robert Abela għażel li jikkontradixxi dak li qal huwa stess… hekk kif issa qed jgħid li għandu fiduċja sħiħa fil-Ministru Camilleri.

F’dawn l-aħħar tliet snin taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela rajna każ wara l-ieħor ta’ inċidenti gravi, nuqqas ta’ sigurta fit-toroq, aggressjonijiet, żieda fil-probelma tad-droga, u ħafna aktar. Dan apparti l-fatt li kemm ilum Prim Ministru kellna tliet Diretturi differenti tal-Ħabs… b’wieħed minnhom jitħalla fil-kariga meta kien akkużat b’reat serju.

U b’rabta mas-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà li bħalissa qed tirrenja f’pajjiżna, Robert Abela ukoll ħoloq konfużjoni kbira. L-ewwel spiċċa attakka lill-ġudikaturi u qallha biex tagħmel xgħolha…

Imbagħad meta nduna li żbalja bil-goff, iddeċieda li għal darb’oħra jipprova jgiddeb lil Net News u ma jirrispondix il-mistoqsijiet tagħna…. tant li baqa’ dieħel isib refuġju fil-karozza tiegħu. Kif għamel fil-ġurnata ta’ qabel il-Ministru Aaron Farrugia.