Weekend ieħor immarkat minn inċidenti, hekk kif ħames persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara ħabta kerha li seħħet fis-6pm fi Vjal l-Avjazzjoni – tnejn minnhom kienu passiġġieri f’cab.
Fil-post issejħet l-assistenza tal-Pulizija, kif ukol tliet ambulanzi u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Fil-fatt, l-uffiċjali tas-CPD intervjenew mal-ewwel biex joħorġu lill-vittmi li nqabu fil-karozzi. Partijiet mill-vetturi kellhom jitqattgħu minħabba l-ħsarat estensivi li ġarbu mal-ħabta.
Il-cab kienet tal-għamla Renault, misjuqa minn raġel barrani ta’ 40 sena residenti San Pawl il-Baħar. Filwaqt li l-karozza l-oħra kienet tal-għamla Mercedes. Din tal-aħħar kienet misjuqa minn raġel Malti ta’ 29 sena, li miegħu kellu mara ta’ 31 sena minn Santa Venera.
Iż-żewġ passiġġieri tal-cab kienu mara ta’ 46 sena u raġel ta’ 47 sena.
Hekk kif inħarġu, dawk involuti ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Aktar tard il-mara ta’ 46 sena li kienet passiġġiera fil-cab ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji u li tinsab fil-periklu tal-mewt. Ix-xufier tar-Renault, ir-raġel ta’ 47 sena u l-mara ta’ 31 sena kienu ċċertifikati bi ġrieħi gravi.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Dan kien it-tieni inċident ikrah f’din it-triq f’temp ta’ disat ijiem. Fil-fatt, fid-19 ta’ Jannar sewwieq ta’ trakk spiċċa l-ITU wara ħabta head-on f’din iz-zona ta’ Ħal Far.
//= $special ?>