Futbol Sport

Birkirkara jiksbu t-tielet rebħa konsekuttiva u jsaħħu t-tielet post

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Matthias Mizzi

BIRKIRKARA……………2

SANTA LUCIA….……….0

Birkirkara: A. Sylla, O. Iorio (D. Pires 69’), E. Pepe, A. Da Paxaio (J. Valletta 85’), Y. Yankam (N. Micallef 89’), K. Zammit, M. Fedele (P. Mbong 69’), C. Attard, D. Cabrera (J. Farrugia 89’), S. Zibo, A . Coppola

Santa Lucia: M. Calleja Cremona, Y. Soares, N. Pulis, R. Bairam (J. Zerafa 71’), K. Nwoko, A. Bile (Miguel Alba 62’), D. Xuereb (J. Tanti 62’), J. Pisani, F. Rodrigues (L.Mckay 81’), R. Soares, Y. Terzi (J. Carbone 69’)

Imwissija: Y. Yankam 10’ (BKR), Y. Soares 35’ (STL), E. Pepe 53’ (BKR), N. Pulis 53’ (STL), C. Attard 61’ (BKR)

Skorjaw: D. Cabrera 24’ (BKR), A. De Paxaio 76’ (BKR)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Luke Portelli & Thomas Debono

Il-Mument Plejer tal-Logħba: A. Da Paxaio (BKR)

BOV Plejer tal-Logħba: A. De Paxaio (BKR)

Kif mistenni Birkirkara għelbu lil Santa Lucia b’gowl fuq kull taqsima. Għalkemm l-Istripes kienu l-favoriti mill-bidu tal-partita, Santa Lucia għarfu jkunu ta’ oppożizzjoni denja tant li għall-maġġoranza tal-ħin huma qasmu l-logħob mal-avversarji.

Mat-13-il minuta Daniel Cabrera żmarka lid-difiża u  kkonkluda b’xutt angolat. L-istess Cabrera fetaħ l-iskor għaxar minuti wara meta ħataf l-opportunità minn ħarġa ħażina ta’ Calleja Cremona u tefa’ l-ballun f’lasta vojta. Qabel il-mistrieħ Birkirkara kienu sfortunati li ma rduppjawx l-iskor b’daqqa ta’ ras ta’ Yankam li laqtgħet il-mimduda.

Fit-tieni taqsima Santa Lucia ħarġu tajjeb hekk kif Jurgen Pisani baqa’ tiela’ minn fuq il-faxxa xellugija u xeħet kross lejn Francisco Rodrigues, bil-Brażiljan tefa’ għoli. Ħames minuti wara l-Karakariżi rrispondew b’daqqa ta’ ras minn De Paxaio li għaddiet viċin il-mimduda. Ftit wara s-siegħa logħob Nicholas Pulis wettaq bravura mill-aqwa hekk kif minn fuq il-linja fatali huwa ċaħħad gowl ċert mis-solitu De Paxaio.

Ir-ritmu tal-partita kompla jiżdied hekk kif minuta biss wara t-tim immexxi minn Potenza wieġeb b’kontrattakk u xutt tas-sostitut Miguel Alba li madankollu ġie salvat tajjeb miż-żagħżugħ Sylla. Birkirkara aċċertaw ruħhom mir-rebħa kwarta mit-tmiem meta l-plejer tal-logħba De Paxaio ma falliex minn taħt il-lasta wara kross preċiż fuqu. B’din ir-rebħa Birkirkara saħħew posthom fit-tielet post b’erba’ punti fuq il-Pawlisti.

L-ewwel gowl ta’ Birkirkara skorjat minn Enzo Cabrera (Ritratt: Josef Fitzpatrick)