Futbol Internazzjonali Sport

FA Cup – Ir-Raba’ Rawnd: Leeds, Leicester, u Southampton jgħaddu għall-fażi li jmiss; Replay bejn Fulham u Sunderland

Leeds United, Leicester City u Southampton evitaw li jispiċċaw il-vittmi ta’ klabbs lejn in-naħa t’isfel tal-piramida tal-futbol fl-Ingilterra, waqt li Fulham irnexxielhom isalvaw replay ma’ Sunderland, ta’ The Championship, wara li kienu marru gowl minn taħt mal-Wearsiders.

Intant, Leeds – li kienu l-ewwel tim tal-Premier League fl-azzjoni fil-programm tal-bieraħ – għelbu lil Accrington Stanley, 3-1, fil-Wham Stadium biex jibbukkjaw post fil-Ħames Rawnd tal-FA Cup għall-ewwel darba f’ħames snin.

L-Accies, li jilgħabu f’League One tellgħu diversi azzjonijiet perikolużi iżda kienu Leeds li marru fil-vantaġġ b’xutt mill-bogħod ta’ Jack Harrison fit-23 minuta u b’Sinisterra jolqot il-lasta għall-Yorkshiremen ftit minuti wara

Il-logħba baqgħet kumbattuta sa nofs it-tieni taqsima, b’Leeds, imbagħad, jirduppjaw wara l-mistrieħ meta Junior Firpo (66) irċieva mingħand Bamford u mill-viċin ma żbaljax. Żewġ minuti wara, Leeds komplew ikabbru l-iskor minn Sinisterra li sab ruħu waħdu quddiem il-gowlkiper, Savin.

Fil-81 minuta, Accrington kisbu konsolazzjoni mis-sostitut Leslie Adekoya, b’chip minn fuq il-gowlkiper Illan Meslier. B’hekk, Adekoya sar l-iżgħar plejer, s’issa, li skorja fl-FA Cup ta’ dan l-istaġun fl-età ta’ 18-il sena u nofs.

Leicester City – ir-rebbieħa tal-FA Cup fl-2021 — kellhom jitħabtu mhux ftit biex jegħlbu r-reżistenza ta’ Walsall, 1-0, fil-Bescot Stadium, bit-tim ta’ League Two ikollu jbaxxi rasu għal gowl xi ftit iffortunat minn  Kelechi Iheanacho, li wasal 20 minuta mill-ħin.

Walsall, li sejrin tajjeb ħafna fil-kampjonat, iddefendew b’għaqal kontra l-avversarji aktar ikkwotati u wara l-mistrieħ, Youri Tielemans tilef penalty għal Leicester li ngħata għall-fawl ta’ Isaac Hutchinson fuq Patson Daka.

Iżda l-gowl għall-Foxes kien fl-ajru u fit-68 minuta, ix-xutt ta’ Iheanacho minn tarf  il-kaxxa ħabat mad-difensur ta’ Walsall Brandon Comley qabel spiċċa fix-xibka tal-gowlkiper Owen Evans.

Romain Perraud skorja gowl f’kull taqsima għal Southampton li għaddew, 2-1, għall-fażi li jmiss tal-FA Cup għall-ispejjeż ta’ Blackpool – tim ieħor minn The Championsjip.

Is-Saints niżlu għal din il-logħba mingħajr il-captain James Ward-Prowse u kellu jkun id-difensur Perraud, li żblokka r-riżultat (22) b’xutt tremend minn freekick li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Chris Maxwell u bil-ballun jispiċċa fis-saqaf tax-xibka.

Mas-siegħa logħob, Perraud skorja t-tieni wieħed għal Saints wara li rċieva mingħand Sekou Mara biex mill-ġdid għeleb lil Maxwell b’kunfidenza kbira.

Blackpool, li kienu qed jilgħabu l-ewwel logħba taħt il-manager ġdid, Mick McCarthy marru qrib il-bersall b’tentattivi ta’ Gerry Yates u Ian Poveda qabel Charlie Patino (67) – li hu misluf lill-klabb mingħand Arsenal – ikkonverta l-assist ta’ Yates biex inaqqas il-marġni u bl-iskor minn dak il-ħin ma jinbidilx.

Fulham irnexxielhom isalvaw dro f’darhom ma’ Sunderland, ta’ The Championship u meta talaħħar kienu qed jheddu li joħolqu s-sorpriża tal-ġurnata fi Craven Cottage.

Il-Black Cats, li qed jittamaw fi promozzjoni għall-Premier League,marru fil-vantaġġ wara biss sitt minuti meta Jack Clarke approfitta mill-iżball ta’ Issa Diop qabel sab ix-xibka ta’ Marek Rodak.

Fit-tieni taqsima, Fulham xeħtu kollox fuq l-attakk u huma kisbu d-dro fil-61 minuta, meta l-captain, Tom Cairney. żgiċċa minn żewġ tackles qabel għeleb lil Patterson b’xutt għar-rokna.

Il-logħba baqgħet eċċitanti sat-tmiem, b’Sunderland ikollhom gowl imħassar ta’ Chris Rigg, li għad għandu biss 15-il sena, wara li r-referi, Michael Salisbury, iddeċieda li l-plejer Abdoullah Ba kien offside fl-istess azzjoni.

Intant, Sunderland qegħdin iħarsu ‘il quddiem lejn ir-replay mal-Cottagers fis-Stadium of Light fost it-tamiet  li huma jaslu mal-aħħar sittax-il tim f’din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba mill-2015.