Lokali

Il-PBS tiċċensura l-unika parti tad-diskors tal-President ta’ Malta kontra l-introduzzjoni tal-abort

Numru ta’ għaqdiet ħarġu jikkritikaw lill-PBS u lill-Awtorità tax-Xandir hekk kif dawn għażlu li jiċċensuraw parti mid-diskors tal-President ta’ Malta fil-kommemorazzjoni tal-Olokawst hekk kif għamel referenza diretta kontra l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna.

Fil-fatt, l-għaqdiet Life Network Foundation, Doctors for Life u I See Life qalu kif il-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS iddeċidiet li tirraporta kull ma qal il-President f’din l-attività apparti dak li qal fuq l-abort. Il-President qal waqt din l-attività li “miljuni ta’ trabi mhux imwielda qed jinqatlu qabel biss ikollhom il-possibbiltà li jaraw id-dawl tal-jum”.

Dan l-istatement qawwi minn naħa tal-President kien jimmerita attenzjoni u l-fatt li l-PBS iddeċieda li ma jirraportax dan, partikolarment fiċ-ċirkustanzi preżenti huwa attentat ta’ ċensura fuq il-President.

L-għaqdiet qalu li dan mhux l-ewwel każ fejn il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS għażlet li tkun selettiva u tiċċensura r-rapportaġġ tagħha. L-istess ħaġa kienet saret fil-każ ta’ Andrea Prudente fejn il-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS iċċensurat għal kollox dak li qalu t-tobba.

Il-PBS huwa obbligat skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-liġi tax-Xandir biex jagħti l-istampa kollha u ċara u mhux jagħżel skont dak li jidhirlu liema informazzjoni se jagħti lill-pubbliku.