Futbol Sport

Jefferson De Assis protagonist f’rebħa meritata ta’ Gżira fuq Hibernians

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

GŻIRA U……………….2

HIBERNIANS……….0

Gżira U: D. Zarkov, G. Bohrer, L. Tabone, S. Pisani, Z. Scerri, M. Dias, L. Riancos (J. Mendoza 64’), T. Kolega, M. Cosic, J. De Assis (L. Oliveira 76’), M.Maia (N. Muscat 81’)

Hibernians: J. Haber, F. Apap, K. Shaw, G. Llerena, T. Aldama (O. Muritala 78’), J. Degabriele (J. Morillas 83’), D. Vella, G. Mensah, G. Artilles, A. Diakite, B. Kristensen (J. Grech 68’)

Imwissija: F. Apap 42’ (H), J. De Assis 57’ (G)

Skorja: J. De Assis 41’, 65’ (G)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Roberto Vella u James Muscat

BOV Plejer tal-logħba: Jefferson De Assi (Gżira United)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Steve Pisani (Gżira United)

Gżira United żammew posthom fit-tieni post fil-klassifika wara li f’konfront dirett għelbu liċ-champions renjanti Hibernians 2-0 b’żewġ gowls ta’ Jefferson De Assis.  Il-Brażiljan issa tela’ fil-quċċata tal-aqwa skorer bi 12-il gowl. Min naħa l-oħra Hibernians tilfu ċ-ċans li jitilgħu fit-tielet post biex baqgħu fir-raba’ post erba’ punti taħt Birkirkara.

L-ewwel konklużjoni perikoluża waslet fl-14-il minuta minn Gżira meta minn korner mogħti minn Steve Pisani kien Maxuell Maia li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ċentimetri mil-lasti ta’ Justin Haber.

Man-nofs siegħa logħob free kick mill-istess Pisani li tefa’ l-ballun fil-kaxxa, u wara taħwda mid-difensuri ta’ Hibernians, Riascos prova xutt li mar barra.

Gżira fetħu l-skor fil-41 minuta meta minn pass mill-isbaħ ta’ Zachary Scerri, Jefferson De Assis avvanza u minn qagħda angolata b’xutt fil-baxx għeleb lil Haber. Din kienet l-aħħar azzjoni denja ta’ nota bit-tim immexxi minn Darren Abdillajidħol jistrieħ b’gowl vantaġġ.

Hibernians harġu ħafna aktar agressivi fit-tieni taqsima u fil-51 u t-52 minuta kellhom żewġ okkażjonijiet, fejn l-ewwel kien Diakite li prova xutt minn barra li kien milqugħ faċilment minn Zarkov biex minuta wara kien Mensah minn tarf il-kaxxa li ra l-konklużjoni tmur ftit barra.

Fis-56 minuta ċans ieħor mitluf mit-tim Pawlist meta Mensah qabeż tajjeb lil Tabone mal-linja u qassam tajjeb fil-kaxxa lil Jurgen Degabriele li iżda minn qagħda li s-soltu ma’ jaħfirx tefa’ għoli.

Tliet minuti wara Hibernians jingħataw penalty, meta Gabriel Mensah qabeż lil Riascos, b’dan tal-aħħar jidher iwaqqa’ lil plejer mill-Ghana fil-kaxxa.  Fuq il-ballun imur Jurgen Degabriele li mill-11-il metru jara lil Zarkov iwettaq save mill-aqwa u jċaħħad lil Hibernians mill-gowl tad-draw.

Il-Maroons irdoppjaw fil-65 minuta minn azzjoni mibdija minn Marcelo Dias li għamel ġirja tajba max-xellug, u wara li daħal fil-kaxxa qassam lejn l-aqwa skorer tal-kampjonat Jefferson De Assis li b’xutt mill-ewwel u devjat minn Ferdinando Apap għeleb lil Haber.

Justin Haber salva lil Hibs milli jsofru t-tielet gowl wara li minn korner ta’ Steve Pisani, Gabriel Bohrer jogħla tajjeb u b’daqqa ta ras sabiħa mpenja lil Haber li wettaq save mill-isbaħ.

Fit-tielet minuta ta’ ħin miżjud u b’Hibernians żbilanċjati għall-aħħar, Gżira United għoddhom għamluhom tlieta iżda Haber reġa’ salva x-xutt tas-sostitut Nikolai Muscat biex il-partita ntemmet f’rebħa ta’ 2-0 għal Gżira United.