Lokali

“Kulħadd qed iħoss li sejrin lura f’dan l-aspett” – David Xuereb dwar is-sigurtà f’pajjiżna

Kulħadd qed iħoss li sejrin lura fl-aspett ta’ sigurtà f’pajjiżna, aħna rridu li Malta tkun destinazzjoni sigura mhux biss għat-turisti iżda anke għar-residenti Maltin u Għawdxin.

Hekk sostna din il-ġimgħa waqt li kien mistieden għall-programm Net Live iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali David Xuereb meta kien mistoqsi dwar ir-reazzjoni tal-MCESD għal dak li pajjiżna kien xhieda tiegħu fl-aħħar xhur u ġimgħat.

Dan hekk kif wara l-mewta traġika ta’ Pelin Kaya, iż-żagħżugħa Torka li ttajret minn vettura fil-Gżira minn sewwieq li kien taħt l-influwenza ta’ alkoħol u droga – l-Assoċjazzjoni tal-Lukandieri, l-MHRA, talbet għal laqgħa tal-MCESD sabiex is-sigurtà f’pajjiżna tiġi diskussa.

David Xuereb insista li din l-isfida mhux biss qed taffettwa lis-soċjetà iżda anke l-ekonomija.

Għaldaqstant huwa saħaq li fit-13 ta’ Frar se tkun qed tiġi organizzata laqgħa tal-MCESD fejn flimkien ukoll mal-psikjatri u psikoloġi jifhmu x’inhu jiġri anke rigward infurzar.

Huwa saħaq li kollettivament flimkien mal-esperti se jkunu qed joħorġu bi pjan u rakkomandazzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam investiment f’uliedna, fiż-żgħażagħ tagħna u dak li jixtiequ jaraw li jseħħ fl-infurzar tal-liġi u t-toroq tal-pajjiż.

Dan kollu se jkunu qed jippreżentawh aktar ‘il quddiem lill-Gvern.

Huwa insista li dan kollu jrid jinstab soluzzjoni għalih għal ġid mhux biss tal-ekonomija iżda anke tas-soċjetà li ssawwarna.