Internazzjonali

Protesti f’Tennessee wara l-qtil ta’ Tyre Nichols

Fl-aħħar ħin, il-President Amerikan Joe Biden appella liċ-ċittadini tal-pajjiż sabiex il-protesti f’Tennessee jibqgħu paċifiċi. 

Dawn id-dimostrazzjonijiet huma r-riżultat tar-rabja kbira li tqajmet fost il-poplu Amerkan .. dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat smajna bil-każ ta’ Tyre Nichols – iz-żagħżugħ ta’ 29 sena li spiċċa maqtul kiesaħ u biered.

Dan wara li ħames uffiċjali tal-pulizija minn Memphis qabdu jtuħ b’mod mill-aktar inġust waqt il-ħin tal-arrest … u kaġun ta’ dan l-aġir, iż-żagħżugħ spiċċa biex tilef ħajtu tliet t’ijiem wara l-inċident.

Il-ħames uffiċjali tal-korp tal-pulizija preżentament jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Tyre Nichols meta waqt li ġie msawwat brutalment minn uffiċjali tal-pulizija, sofra minn attakk tal-qalb – bl-attakk qed jigi meqjus bhala wiehed razzist.

Huma jinsabu wkoll sospiżi wara li feġġ dan il-każ xokkanti, bil-familja tal-vittma tinsisti li trid ġustizzja.

Filmat li qed jiċċirkola fuq il-mezzi soċjali juri d-dettalji xokkanti ta’ dan il-każ, hekk kif ħames uffiċjali qabdu jsawwtu lill-vittma wara li allegatament twaqqaf b’suspett li kien qed isuq b’mod perikoluż, għalkemm dan ma ġiex ippruvat fil-Qorti.

Fil-filmat jidher li f’ħin minnhom wieħed mill-pulizija uża it-taser fuq iż-żagħżugħ waqt li dan ipprova jaħrab mill-pulizija. Dak il-ħin, il-pulizija qabduh u bdew isawtuh, fosthom b’lembuba.

Il-filmat juri li waqt li l-vittma kien fl-art jokrob bl-uġiegħ beda jgħajjat għall-ommu.

Ix-xhieda li kienu fil-post qalu li l-ambulanza waslet madwar 20 minuta wara. Iżda l-isforżi li saru kemm dakinhar tal-inċident kif ukoll fil-jiem ta’ wara kienu kolla ta’ xejn .. hekk kif iż-żagħżugħ tilef il-battalja mal-mewt tliet t’ijiem wara li seħħ dan il-każ.

Minn naħa tiegħu, l-avukat li qiegħed jidher għall-familja tal-vittma qal li Tyre Nichols waqaf jiġbed xi ritratti ta’ nżul ix-xemx u kif kien fi triqtu lura lejn id-dar seħħ l-attakk li rriħulta fil-mewt taż-żagħzugħ … li ġab miegħu protesti kbar fit-toroq ta’ diversi bliet fl-Istati Uniti.