Futbol Internazzjonali Sport

FA Cup – Ir-Raba’ Rawnd: Spurs jgħaddu wkoll għall-ispejjeż ta’ Preston

Tottenham Hotspur ħallew kollox għat-tieni taqsima fir-rebħa, 3-0, fuq Preston North End f’Deepdale  — u wara li t-tim minn The Championship kien irnexxielu jillimita lil Spurs għal ftit ċansijiet mhumiex daqstant perikolużi fl-ewwel 45 minuta.

Intant laħqu għaddew biss ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima meta l-attakkant Korean, Son Heung-min, irċieva mingħad Tanganga u sab ir-rokba tax-xibka b’xutt missila minn barra l-kaxxa. Il-gowl ħasad lil Preston li fis-70 minuta sabu ruħhom 2-0 minn taħt meta, fuq l-assist ta’ Perisic, l-istess Son Heung-min dar mad-difensur Jordan Storey u għaqqad id-doppjetta personali.

L-aħħar kelma f’din ir-rebħa għal Spurs kienet tad-debuttant Arnaut Danjuma (87) li hu misluf ma’ Spurs mingħand Villareal, li spiċċa żmarkat fuq il-pass ta’ Kulusevski biex mill-ġdid sab ir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx.