Lokali

Sewwieq ta’ mutur iġarrab ġrieħi wara inċident fil-Marsa

Sewwieq ta’ mutur minn San Pawl il-Baħar kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-bidu ta’ Triq Aldo Moro direzzjoni lejn Raħal Ġdid waqt li kien fuq il-lant tax-xogħol.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10:30 tas-Sibt filgħodu meta għal xi raġuni l-mutur misjuq minn żagħżguħ ta’ 26 sena kien involut f’ħabta ma’ karozza misjuqa minn mara ta’ 31 sena minn San Ġwann.

Fil-post ġie msejjaħ minnufih tim mediku tal-ambulanzi li ħadu lir-raġel l-isptar għal aktar kura.

Filwaqt li l-kundizzjoni tiegħu s’issa mhux magħrufa l-Pulizija avżaw lis-sewwieqa sabiex jevitaw momentarjament iż-żona hekk kif ingħalqet għat-traffiku hekk kif għaddejjin bl-investigazzjonijiet meħtieġa.

Għaldaqstant il-pubbliku huwa mħeġġeġ jevita għal kollox din iż-żona hekk kif it-traffiku qed jestendi minn fejn seħħ l-inċident sa saħansitra l-Kappara.