Sport

Tennis – Open tal-Awstralja: Aryna Sabalenka tirbaħ l-ewwel Grand Slam tal-karriera

(Ritratt: EPA)

Aryna Sabalenka mill-Belarus rebħet l-ewwel Grand Slam tal-karriera tagħha meta dalgħodu għelbet lil Elena Rybakina fil-finali tal-Open tal-Awstralja tan-nisa. Sabalenka rrnexxilha tagħmel rimonta fil-partita wara li tilfet l-ewwel set minn tlieta 6-4.

Madankollu, Sabalenka li kienet qed tikkompeti taħt bandiera newtrali peress li pajjiżha, il-Belarus qed ikun ta’ appoġġ għall-gwerra li r-Russja qed tagħmel kontra l-Ukrajna, rebħet it-tieni set 6-3 u t-tielet set 6-4 biex rebħet il-finali kontra Rybakina mill-Kazakhstan. Fl-2022, Rybakina kienet rebħet it-turnament ta’ Wimbledon.

Intant matul il-ġurnata tal-llum, kelna r-rebħa ta’ Alfie Hewett kontra Tokita Oda, fil-finali tas-singles tal-irġiel fuq wheelchair. Hewett rebaħ 6-3, 6-1 biex patta għad-diżappunti li kellu f’din l-istess kompetizzjoni f’dawn l-aħħar sentejn meta falla milli jirbaħ l-finali għal darbtejn.

Għal Hewett, numru wieħed fid-dinja, ir-rebħ ta’ dan it-turnament ifisser is-seba’ titltu Grand Slam tal-karriera tiegħu.

L-Open tal-Awstralja jilħaq il-qofol tiegħu l-Ħadd meta tintlagħab il-finali tal-irġiel bejn Novak Djokovic u Stefanos Tsitsipas.