Lokali Saħħa

Tissokta l-isfida tal-mediċini out-of-stock

Il-Gvern ta l-impressjoni li l-problema tal-mediċini out of stock kellha tissolva mal-bidu tax-xahar id-dieħel – iżda r-realtà hi totalment differenti. U dan saħansitra ikkonfermah il-PBS b’rapport ippubblikat fl-aħħar jiem.

Fuq ix-Xandir Nazzjonali, il-persuna li jmexxi l-Maħżen tal-Mediċini tal-Gvern spjega li bħalissa huma 18 il-mediċini li huma totalment u għal kollox out of stock fil-pajjiż – u dan ma jinkludix dawk li huma fi stokk limitat.

Skont ir-rapport ta’ TVM id-Direttur Maniġerjali tas-CPSU Karl Farrugia spjega li fil-maġġoranza tal-mediċini li pajjiżna għandu out of stock huma antibijotiċi u mediċini kontra l-infjammazzjoni – fejn għal uħud minn dawn il-mediċini qed tiġi offruta alternattiva. Dan filwaqt li rappreżentat tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, Mario Debono, spjega li din l-isfida mistennija li ttawwal.

Għaldaqstant, għad-differenza ta’ kif pinġa s-sitwazzjoni l-Gvern ta’ Robert Abela rigward is-sitwazzjoni tal-mediċini f’pajjiżna – fi kliem l-esperti, din il-problema taf ittawwal aktar milli kien mistenni.

Il-Gvern stess kien ilu numru ta’ ġimgħa jaħbi din il-kriżi tal-mediċini minkejja l-ilmenti kontinwi tan-nies. Sakemm imbgħad, kellu jammetti li r-rapporti ppubblikati minn Net News kienu veritieri – għaliex ammetta li hemm numru mhux żgħir ta’ mediċini li jinsabu out-of-stock.

Realtà oħra titratta l-medicini li qed jingħataw lill-pazjenti bħala “sostitut” għall-medicina propja. F’ħafna każijiet, din qed tkun medicina inferjuri…apparti li f’ħafna każi dawn il-pilloli ikollhom jinxtraw, u mhux jingħataw b’xejn. Illi jfisser piż addizzjonali fuq il-bwiet tal-familji u l-anzjani.