Lokali

VOXPOP: Il-poplu mħasseb dwar iż-żamma tas-sigurtà f’pajjiżna

“Mela persuna ta 16-il sena tista’ tivvota u tista’ wkoll tiżewweġ, umbagħad ma tistax teħel ħabs għax fil-Qorti għadha titqies bħala minorenni”

Dan kien il-kumment ta’ persuna li tkellimna miegħu s-Sibt filgħodu, meta dan l-istazzjon żar it-toroq tal-Belt Valletta u staqsejna lin-nies dwar is-sigurtà ta’ pajjiżna, hekk kif fl-aħħar jiem smajna b’diversi każjiet u traġedji li qajmu tħassib kbir fost il-poplu Malti u Għawdxi, specjalment fejn tidhol is-sistema tal-Qrati u n-nuqqas ta’ rizorsi fil-Korp tal-Pulizija.

Fid-dawl tal-każ li seħħ is-Sibt li għadda fejn grupp ta’ addoloxxenti allegatament sawwtu grupp ta’ minorenni allegatament għal xejn b’xejn, b’żagħżugħ minnhom spiċċa b’riġlejh miksura minn żewġt ibnadi, u se jkollu jiġi operat darbtejn.

In-nies li tkellmu magħna qalulna li dan il-ġlied li  qed isir fil-Belt u f’ċertu lokalitajiet oħra jista’ jiġi evitat billi fost oħrajn jiżdiedu r-rondi u s-sorveljanza mill-Pulizija.

Ħafna nies li tkellmu ma’ Net Nes qalulna li f’ċertu żoni madwar Malta hawn nuqqas kbir ta’ sigurtà u hemm bżonn li jsir xi ħaġa sabiex każijiet li seħħew fl-aħħar xhur li xxokjaw pajjiz ma jerggħux jirrepettu ruħhom.

Oħrajn qalulna li fis-soċjetà tal-lum, ħafna ma jħossuhomx komdi li javdaw lit-tfal tagħhom barra iżda fl-istess waqt ma tistax taqfilhom id-dar u ma tħallihomx joħorġu ma’ sħabhom, b’uħud jikkumentaw li Malta m’għadhix sigura bħal ma kienet qabel.

Dan kollu wara li saħansitra l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li ma jafdax lil bintu waħeda l-Belt..minkejja li huwa Robert Abela nnifsu li jrid jaċċerta li r-residenti jgħixu b’rashom mistrieħa li mhux se jaqilgħu daqtejn għalxejn b’xejn, jew li ttajjarhom vettura għax is-sewwieq ikun mitluf f’estażi ta’ sustanzi illeċiti.