Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti – Abela jgħid li ħadd mhu jaqa’ lura

Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.

Maul l-aħħar sena, ‘il fuq minn 30,000 persuna fittxew platt sħun u s-servizz tas-Soup Kitchen fil-Belt Valletta… dan huwa biss eżempju wieħed, iżda għall-Prim Ministru Robert Abela… il-Gvern qed jaħdem biex ħadd ma jaqa’ lura…

“Fejn tidħol il-qalb soċjali, biex niżguraw li ħadd ma jaqa’ lura”

Iżda tassew bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti għaliex miċ-ċifra ta’ 30,000 li fittxew is-servizz tas-soup kitchen kien hemm 200 minnhom li kienu tfal. F‘Diċembru li għadda Net News kien ikkonferma li 91% ta’ dawk li jagħmlu użu mis-soup kitchen huma Maltin. 

L-istess l-aħħar ċifri, taw xhieda ta’ kemm f’pajjiżna żdied il-faqar, b’ċifri maħruġa mill-NSO jgħidu li 2 minn kull għaxra jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Il-persuni f’riskju ta’ faqar issa kważi qabżu d-90,000 bi statistika riċenti maħruġa mill-YMCA turi li f’Malta hawn 400 persuna li m’għandhomx saqaf fuq rashom. Dan filwaqt li hawn mat-3,000 persuna qed jgħixu fil-garaxxijiet, b’uħud minnhom lanqas għandhom provvista ta’ elettriku.

Ċifri oħra juru li f’Malta hawn mal-1,530 persuna li jaqilgħu biss €2.50 kuljum.

Iżda għal Robert Abela skontu qed jassigura li ħadd ma jaqa’ lura għax għandu l-qalb soċjali

Fid-diskors li għamel il-Ħadd f’Birkirkara, għalkemm tenna stqarrija bħal din, il-Prim Ministru naqas milli jsemmi kemm hawn mediċini out-of-stock, hekk kif anki fuq ix-Xandir Nazzjonali, il-persuna li jmexxi l-Maħżen tal-Mediċini tal-Gvern spjega li bħalissa huma 18-il mediċini li huma totalment u għal kollox out-of-stock fil-pajjiż – u dan ma jinkludix dawk li huma fi stokk limitat.

Abela ma għamel l-ebda referenza għas-sitwazzjoni diżastruża fl-isptarijiet. F’diskors li f’waqtiet kien karatterizzaat minn attakki partiġġjani, Abela ma semma xejn dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa. L-istess ukoll ma lissen l-ebda kelma dwar l-għoli tal-ħajja u lanqas kif se jkun qiegħed jara li ż-żgħażagħ Maltin jibqgħu Malta jew li tal-anqas jaraw li f’Malta hawn futur.