Futbol Sport

Challenge League: Naxxar jersqu iktar lejn il-Premier

(Ritratt: Naxxar Lions)

Chris Cassar

TARXIEN R………………….. 0

NAXXAR L. …………………. 3

Tarxien R: M. Debono, N. Micallef, C. Conceicao, B. Muscat, M. Spiteri, D. Falzon, S. Bezzina, B. Farrugia, J. Conceicao, J. Santos De Oliveira, D. Agius.

Naxxar L: Y. Cini, K. Farrugia, M. Fenech, N. Pace Cocks, J. Suda, E. Ferreira, C. Zammit, J. Bajada, C. Gauci, R. Blandon Rendon, A. Marshall.

Referee: Slobodan Petrovic

Naxxar Lions għamlu pass importanti lejn il-promozjoni għall-kampjonat Premier meta għelbu bl-iktar mod konvinċenti lil Tarxien f’logħba li l-Lions iddominaw kontra avversarji li issa jridu jimmiraw lejn it-tielet pożizzjoni għall-play-off kontra t-tielet mill-aħħar tal-Premier.

Għal Naxxar kellu logħba ferm tajba Erikys Ferreira, iżda anki l-kumplament tal-plejers taw prestazzjoni ferm tajba.

Naxxar Lions kienu aħjar fl-ewwel taqsima fejn kellhom ħafna iktar mil-logħob u kienu wkoll l-iktar perikolużi fl-attakk. Tarxien minkejja li kkontrollaw tajjeb ftit li xejn kienu avventurużi fl-attakk. Naxxar fetħu l-iskor fl-34 minuta meta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Ferreira kienet salvata minn Debono iżda mir-rebound Blandon Rendon kompla għal ġewwa.

Fil-bidu tat-tieni taqsima Naxxar irduppjaw b’azzjoni konfuża fil-kaxxa fejn Erikys Ferreira skorja b’xutt mill-viċin. Naxxar komplew jattakkaw u Debono salva xutt ta’ Suda.

Iżda Suda kien ippremjat fit-78 minuta meta skorja ġmiel ta’ gowl b’xutt bid-dawra mid-distanza li għeleb għal kollox lil Debono.