Futbol Sport

Derby li ma laħaqx l-aspettattiva

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Matthias Mizzi

VALLETTA…………..0

FLORIANA….……….0

Valletta: A. Guarnone, E. Ruiz, A. Zammit, S. Dimech (C. Gauci 90+1’), E. Pena Beltre, F. Falcone (W. Jebor 62’), B. Fewo, B. Paiber, R. Muscat, E. Sala (J. Ngong 88’), K. Bevis

Floriana: G. Kitanov, A. Magri Overend, O. El Hasni, M. Veselji (J. Busuttil 59’), J. Reid, J. Arias, M. Garcia, C. Zammit Lonardelli (J. Scicluna 80’), L. De Grazia, L. Trillo. E. Callegari

Imwissija: R. Muscat 27’ (VLT),  E. Pena Beltre 51’ (VLT), K. Reid 56’ (FLR), E. Pena Beltre 90+3’ (VLT)

Tkeċċew: R. Muscat 32’ (VLT), E. Pena Beltre 90+3’ (VLT)

Referee: Matthew Degabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri & Mitchell Scerri

BOV Plejer tal-Logħba: Alessandro Guarnone (VLT)

Il-Ħadd waranofsinhar fl-Istadium Nazzjonali ntlagħab dak li hu magħruf bħala l-akbar derby ta’ Malta. F’konfront li ntemm mingħajr gowls, Valletta lagħbu għal aktar minn siegħa bi plejer inqas fejn saħansitra fl-aħħar mumenti tal-partita huma spiċċaw jilagħbu wkoll b’disa’ plejers wara li Pena Beltre dabbar it-tieni karta saffar. Minkejja t-tkeċċijiet huma xorta waħda għarfu jikkontrollaw lill-avversarji tagħhom fejn Floriana ftit li xejn tħallew jersqu lejn il-lasti tagħhom. Ta’ min isemmi li b’dan ir-riżultat, Valletta ilhom tliet snin ma jirbħu lill-ġirien.

Azzjoni tajba għal Valletta fl-ewwel erba’ minuti logħob meta Falcone baqa’ dieħel fil-kaxxa u tefa’ kross fil-baxx li madankollu ma sab lil ħadd minn sħabu. Fl-għoxrin minuta Valletta għal ftit ma kienux ikkastigati minn pass ħażin ta’ Ruiz li spiċċa għand Reid, bil-konklużjoni tal-Ġamajkan kienet waħda ċentrali. Man-nofsiegħa logħob it-tim tal-kapitali safa jilgħab bi plejer inqas meta l-captain Rowen Muscat irritalja b’daqqa ta’ sieq.

Floriana marru qrib għall-ewwel darba mas-siegħa logħob b’xutt ta’ Josè Arias minn ġol-kaxxa, b’Guarnone jkollu riflessi mill-aqwa biex salva u leħħa l-periklu. Għall-maġġoranza tal-ħin fit-tieni taqsima, iż-żewġ timijiet kienu fjakki mill-attakki perikolużi tant li kull ħjiel ta’ kreattività beda jsir prevedibbli. Mas-sebgħin minuta logħob is-sostitut Jan Busuttil ittanta xortih b’xutt mal-ewwel wara kross preċiż fuqu iżda ma kienx letali. Minuta biss wara l-Beltin wieġbu b’kontrattakk veloċi tal-akkwist il-ġdid Jebor bix-xutt b’saħħtu tiegħu ġie mdawwar f’corner minn Kitanov. Fil-kumplament tal-partita ma kien l-ebda azzjoni denja ta’ nota għajr it-tieni tkeċċija ta’ Valletta wara handsball ta’ Pena Beltre fit-93 minuta.