Futbol Internazzjonali

FA Cup fl-Ingilterra: Gowl fl-aħħar nifs iċaħħad lil Wrexham minn kwalifikazzjoni sorpriża

Sheffield United, li jinsabu t-tieni f’The Championship u li qed jittamaw li jirritornaw malajr fl-ogħla diviżjoni, kienu salvati fl-aħħar nifs mill-eliminazzjoni kontra Wrexham, it-tim tan-non-league — bid-difensur tal-Blades John Egan jikseb dro in-extremis għat-3-3 finali.

Ir-riżultat jista’ jitqies bħala kiefer għal Wrexham – klabb famuż minn Wales u l-liders attwali tan-National League – li żammew parità u anki kienu aħjar mill-avversarji minn Yorkshire għall-parti kbira tat-tieni taqsima.

Il-logħba kienet eċċitanti mill-bidu sat-tmiem, b’Sheffield United jiksbu vantaġġ bikri wara biss żewġ minuti meta Oli McBurnie sab ix-xibka bir-ras fuq il-korner ta’ Tommy Doyle.

Minn dak il-ħin, Wrexham bdew iżidu fil-logħob iżda Sheffield Utd ukoll tellgħu diversi blalen perikolużi, bir-riżultat jibqa’ l-istess sal-mistrieħ.

It-tieni taqsima, imbagħad, ipproduċiet xejn anqas minn ħames gowls, b’Wrexham jaqilbu r-riżultat b’żewġ gowls minn James Jones (50) u Tom O’Connor (61), waqt li Oliver Norwood għamilhom 2-2 erba’ minuti wara.

Fil-71 minuta, il-Blades spiċċaw b’għaxra wara t-tkeċċija ta’ Daniel Jebbison u Wrexham dehru qrib ħafna ta’ kwalifikazzjoni sorpriża meta Paul Mullin reġa’ sab ix-xibka għall-Welshmen, erba’ minuti mit-tmiem. Madankollu, l-aħħar kelma kellha tkun ta’ Egan, li, fil-95 minuta, irċieva mingħand Doyle qabel spara fir-rokna tax-xibka bl-aħħar xutt tal-logħba.