Lokali

Fil-periklu tal-mewt wara ħabta f’Għawdex

Raġel ta’ 43 sena residenti s-Sannat Għawdex qed jissielet għal ħajtu wara ħabta li seħħet ir-Rabat Għawdex.

L-inċident seħħ is-Sibt filgħaxija għall-ħabta ta’ nofsillejl, hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq l-Arċisqof Pietru Pace, ir-Rabat, Għawdex.

Il-Pulizija marret immedjatament fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li seħħet ħabta bejn Hyundai Getz misjuqa minn raġel ta’ 43 sena residenti s-Sannat u Toyota IQ misjuqa minn raġel ta’ 41 sena residenti x-Xagħra, Għawdex. Mara ta’ 38 sena kienet passiġġiera fit-Toyota.

Iż-żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza u aktar tard ix-xufier tal-Hyundai kien iċċertifikat bi ġrieħi serji u li jinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li r-raġel ta’ 41 sena kien iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Bridgitte Sultana li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.