Futbol Internazzjonali

Futbol Ingliż — Ir-Raba’ Rawnd tal-FA Cup: Tikber il-kriżi ta’ Liverpool bl-eliminazzjoni għand Brighton

Ir-Raba’ Rawnd tal-FA Cup kompla b’fażi oħra ta’ konfronti u li fihom, bla dubju, spikkat l-eliminazzjoni ta’ Liverpool – il-holders tal-FA Cup – taħt idejn Brighton and Hove Albion….Tim li bla dubju hu wieħed mir-rivelazzjonijiet tal-ogħla kampjonat u li ġimgħatejn ilu kien diġà umilja lill-istess Liverpool (3-0) fil-konfront tal-Premier League fl-Amex Stadium.

Liverpool fil-preżent għaddejjin minn kriżi fil-kampjonat fejn qegħdin jokkupaw id-disa’ post tal-klassifika. Dan ukoll meta huma anki nqalgħu mill-Carabao Cup – kompetizzjoni oħra li r-Reds kienu rebħu fl-istaġun li għadda wara penalty shoot-out ma’ Chelsea.

Intant, Brighton niżlu għal din il-cup-tie b’fiduċja kbira li setgħu jiksbu riżultat ieħor utli iżda huma sabu ruħhom minn taħt wara nofs-siegħa meta, fuq kontra-attakk veloċi, l-attakkant ta’ Liverpool, Mo Salah, ipprovda assist lil Harvey Elliot li għeleb lil Steele mill-viċin.

Filwaqt li kien hemm suspett li l-ballun mess ma idejn Elliot ftit qabel it-tentattiv, il-gowl kien ikkonvalidat mir-referi, David Coote.

Brighton imbagħad bdew iwettqu pressjoni fuq il-lasta ta’ Liverpool u fid-39 minuta huma kisbu d-dro meritat – iżda b’xi ftit tal-fortuna – meta Tariq Lamptey ipprova xutt minn barra l-kaxxa u bil-ballun jaħbat ma’ sieħbu Lewis Dunk fejn qarraq għal kollox bil-gowlkiper Alisson għall-1-1.

Il-logħba baqgħet kumbattuta fit-tieni taqsima, b’Dunk jiċħad lil Salah minn gowl ċert waqt li Brighton wieġbu b’xutt ta’ Evan Ferguson li kien maqlugħ minn fuq il-linja minn Trent Alexander-Arnold.

Lejn l-aħħar ħinijiet, kien hemm xi interventi pjuttost ħorox minn Konate, Fabinho (li daħal jilgħab bħala sostitut) u Robertson fuq l-attakkanti ta’ Brighton iżda r-referi Coote kien kuntent b’sempliċi karta safra fi kwalunkwe inċident u bir-riżultat jibqa’ indeċiż sakemm, fit-92 minuta, wasal il-mument maġiku tal-attakkant Ġappuniż Kaoru Mitoma.

Dan meta Pervis Estupinan dendel ġmiel ta’ ballun fil-kaxxa ta’ Liverpool fejn sab lil Mitoma li – minkejja li ssikkat — qabbeż il-ballun minn fuq ras Gomez u fl-istess azzjoni sammar ġewwa għat-2-1 finali, minkejja t-tentattiv iddisprat ta’ Alisson biex isalva….Gowl li kien ikkomfermat wara reviżjoni mill-VAR.

Intant, kien tard wisq għal Liverpool biex iwettqu reazzjoni u bir-Reds ta’ Jurgen Klopp, issa, jinsabu f’periklu serju li jispiċċaw l-istaġun b’idejhom vojta. Dan meta huma jinsabu maqtugħin mill-isfida għall-kampjonat waqt li, fil-21 ta’ Frar, għandhom konfront mill-aktar diffiċli ma’ Real Madrid — iċ-Champions renjanti tal-Ewropa – fil-fażi li jmiss taċ-Champions League.

Stoke City, li qed jimmilitaw f’The Championship, temmew il-ħolma ta’ Stevenage – it-tim minn League Two li kienu eliminaw lil Aston Villa fir-rawnd preċedenti – biex b’hekk ibbukkjaw post fil-ħames rawnd tal-kompetizzjoni.

Il-Potters fetħu l-iskor minn Jacob Brown wara biss tliet minuti iżda Jamie Reid kiseb parità għal ‘Boro, 20 minuta mit-tmiem. Intant, tliet minuti biss wara dan il-gowl, kienu Stoke li mill-ġdid marru fil-vantaġġ bix-xutt qawwi ta’ Josh Laurent waqt li Lewis Baker (80) issiġġilla r-rebħa ( 3-1) għal Stoke minn penalty wara l-fawl ta’ Jonathan Tomkinson fuq Brown.