Lokali

“Il-Gvern ta’ Robert Abela falla li jagħti garanzija ta’ sigurta’ lil kulħadd” – Joe Giglio

“Il-Gvern ta’ Robert Abela ħoloq kriżi ġdida hekk kif f’pajjiżna għandna nuqqas ta’ sigurta tat-tfal, nuqqas ta’ sigurta għall-anzjani u nuqqas ta’ sigurta għal kull wieħed u waħda minnha. Din in-nuqqas ta’ sigurta’ qed narawha kullimkien.”

Dan sostnieh id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Joe Giglio waqt attivita’ politika li saret il-Ħadd filgħodu fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħ’Attard.

Waqt id-diskors tiegħu Joe Giglio stqarr li l-inċidenti ta’ vjolenza qed jiżdiedu bla rażan u dan huwa konferma ta’ nuqqas ta’ sigurta’ fit-toroq ta’ pajjiżna. Huwa qal ukoll li l-inċidenti tat-traffiku qed iseħħu ta’ kuljum u għalhekk qed jiżdiedu b’mod allarmanti.

Joe Giglio qal; “l-Ministru tas-Sigurta Byron Camilleri tana biss insigurta’, tana l-mentalita ta’ ‘anything goes’ kif ukoll tana Korp tal-Pulizija li jinsab demotivat.” Dan għaliex ħafna mill-Pulizija qed jispiċċaw jirreżenjaw kaġun ta’ paga baxxa, sigħat twal ta’ xogħol, kundizzjonijiet ħżiena fl-għasses tal-Pulizija fost affarijiet oħra.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista saħaq li d-Direttur tal-Ħabs kellu jissospendi lilu nnifsu sakemm tingħata s-sentenza mill-Qorti filwaqt li l-Ministru Byron Camilleri għamel żball kbir li żamm lir-Robert Brincau…żball li ħoloq sens ta’ impunita’ f’pajjiżna. Dan wara li kellu jirreżenja Robert Brincau stess mill-pożizzjoni tiegħu.

Joe Giglio insista li f’pajjiżna; “qatt ma kellna dan in-numru ta’ nies li jmutu fuq il-postijiet tax-xogħol, qatt ma kellna daqshekk imwiet kaġun ta’ inċidenti tat-traffiku, qatt ma kellna daqshekk inċidenti ta’ vjolenza bla rażan.”

Huwa saħaq li dan kollu jagħti konferma ċara li l-Gvern ta’ Robert Abela falla rigward li jagħti garanzija ta’ sigurta li kull wieħed u waħda minnha.

Joe Giglio temm id-diskors tiegħu hekk kif qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem u jinsisti sabiex ikun il-gvern alternattiv li pajjiżna tant u tant għandu bżonn.