Lokali Saħħa

Impjegati fl-Isptar Monte Carmeli mhumiex jitħallsu tax-xogħol extra

Mill-Arkivji

Ħaddiema li jservu fl-Isptar Monte Carmeli huma diżappuntati għall-fatt li mhumiex jitħallsu tax-xogħol extra li jagħmlu għas-sempliċi raġuni li d-Dipartiment intern fejn jinħadmu l-pagi u s-salarji ma hemmx personnel biżżejjed.

Sorsi infurmati fl-Isptar Monte Carmeli fil-jiem li għaddew stqarrew ma’ ‘Il-Mument’ li din hi sitwazzjoni li ma tagħmilx sens li huma jaħdmu u jagħmlu x-xogħol extra skont ma jintalbu, iżda fl-aħħar mill-aħħar meta jirċievu l-paga mhumiex jitħallsu dak kollu dovut lilhom.

Huma qalulna li dwar din is-sitwazzjoni ġibdu l-attenzjoni ta’ min imexxi l-Isptar Monte Carmeli, iżda t-tweġiba kienet li għandhom jieħdu ftit tal-paċenzja sakemm mid-Dipartiment tas-Saħħa xi ħadd jieħu l-inizjattiva u jibgħat ħaddiema ġodda f’dan id-Dipartiment partikulari.

Dawk li tkellmu ma’ Il-Mument żiedu li attwalment f’dan id-Dipartiment hemm iservu ħaddiem full-time u ieħor part-time li ma jistgħux ilaħħqu mal-volum tax-xogħol tal-ħaddiema li jservu fl-Isptar Montre Carmeli. “L-awtoritajiet konċernati jafu b’din is-sitwazzjoni u huma konxji minn dak li qed jiġri, iżda sa issa ma għamlu xejn biex l-affarijiet ikunu rimedjati ħalli fl-aħħar tax-xahar jinħarġu pagi korretti li jkunu jinkludu wkoll ix-xogħol extra li jsir fil-ġimgħat ta’ qabel,” qalilna wieħed mis-sorsi li tkellem magħna.

Is-sorsi ta’ Il-Mument temmew li hu stramb ħafna kif il-Gvern jiftaħar kemm qed idaħħal nies jaħdmu fiċ-Ċivil, imbagħad sempliċi ftit ħaddiema li hemm bżonn għal dan id-Dipartiment partikulari jibqgħu ma jinstabux!”