Il-Prim Ministru Britanniku, Rishi Sunak, keċċa lil Nadhim Zahawi minn Chairman tal-Partit Konservattiv fil-Gvern wara li ilhom joħorġu r-rivelazzjonijiet dwar it-taxxi tal-istess Zahawi.
Fil-fatt, Rishi Sunak qal li jidher ċar li f’dan il-każ huma kienu qed jaffrontaw sitwazzjoni ta’ abbuż serju tal-Kodiċi Ministerjali.
Il-Prim Ministru Sunak kien ordna biex issir investigazzjoni wara li sar magħruf li Zahawi, fi żmienu bħala Kanċillier tal-Finanzi, kien ħallas penali lid-Dipartiment tat-Taxxa u Dwana b’konnessjoni mat-taxxi mhumiex imħallsin fiż-żmien stipulat.
Dan waqt li l-investigazzjoni sabet li Zahawi (ritratt) naqas milli jissodisfa l-ħteġiet ta’ kif għandu jġib ruħu Ministru f’dawn iċ-ċirkustanzi.
L-investigazzjoni anki sabet li Zahawi naqas milli jiddikjara li d-Dipartiment tat-Taxxa iu d-Dwana (HMRC) kien qed jinvestiga t-taxxi tiegħu bħala konflitt ta’ interess meta hu kien laħaq Kanċillier.
Intant, instab ukoll li Nadhim Zahawi falla milli jiddikjara li kien ħallas penali lill-HMRC meta hu nħatar membru tal-Kabinett tal-eks Prim Ministru Britanniku Liz Truss u wara li ntgħażel bħala membru tal-Kabinett sussegwenti mmexxi minn Sunak.
Sadanaittant, Zahawi, permezz ta’ ittra, aċċetta din is-sitwazzjoni waqt li informa lill-Prim Ministru li hu se jibqa’ jappoġġjah bħala back bencher fil-Parlament.
Dan waqt li l-partiti Britanniċi fl-Oppożizzjoni qegħdin jikkundannaw lill-Prim Ministru Sunak talli dam iż-żejjed biex ikeċċi lil Zahawi u li l-aġir ma jirriflettix tajjeb fuq is-serjetà u l-obbligu tal-Gvern Britanniku.
//= $special ?>