Internazzjonali

Ir-Repubblika Ċeka: Il-President ġdid Pavel se jikkonsolida l-valuri ‘tal-Ewropa’

Petr Pavel – eks-Ġeneral mal-Alleanza tan-NATO u llum irtirat – fl-aħħar sigħat kien ikkonfermat bħala l-President ġdid tar-Repubblika Ċeka wara rebħa elettorali fuq l-isfidant populista  Andrej Babis.

Pavel, li għandu 61 sena, kiseb  mat-58 fil-mija tal-vot u Babis – li serva bħala Prim Ministru Ċek bejn l-2017 u l-2021 – kellu jammetti t-telfa waqt diskors lis-sostenituri tiegħu u ladarba tħabbru r-riżultati tard fil-lejl tas-Sibt.

B’hekk ukoll, Pavel qed jieħu post Milos Zeman, li se jikkonkludi t-tieni terminu tal-Presidenza f’Marzu li ġej.

Intant, it-tieni fażi deċiżiva tal-elezzjoni bejn Pavel u Babis kienet karatterizzata bħala taqtigħa bejn oligarkija populista, simbolizzata minn Babis u demokrazija liberali.

Dan ukoll meta l-kampanja elettorali tal-aħħar jiem kienet imtappna bl-informazzjoni qarrieqa u allegati theddid tal-mewt fil-konfront ta’ xi individwi.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara r-rebħa fuq Babis, Pavel qal li din kienet rebħa ‘għall-valuri tal-verità, id-dinjità, l-umiltà u r-rispett għall-bniedem’.

Il-President elett saħaq li l-maġġoranza taċ-Ċeki jaqsmu dawn il-valuri u li issa wasal iż-żmien li l-istess valuri jiffurmaw il-bażi soda tal-politika f’pajjiżu.

Petr Pavel jemmen bis-sħiħ fl-isħubija ta’ pajjiżu fin-NATO u l-Unjoni Ewropea u r-rebħa tiegħu qed titqies bħala konferma oħra li r-Repubblika Ċeka hi impenjata biex tirrispetta l-ideali tal-Punent waqt li żżomm mal-obbligi tagħha lejn il-komunità internazzjonali.