Internazzjonali

Iżrael: Approvati miżuri li jiffaċilitaw il-ġarr tal-armi miċ-ċivili

Il-Kabinett tas-Sigurtà f’Iżrael approva miżuri li għandhom jiffaċilitaw il-ġarr tal-armi tan-nar għal ċivili Iżraeljani. Id-deċiżjoni ttieħdet wara attakki separati mill-Palestinjani fuq Iżraeljani li seħħew għal ġranet konsekuttivi fil-belt ta’ Ġerusalemm.

L-attakki inkwistjoni saru wara l-aħħar rejd intensiv mill-Armata Iżraeljana fuq il-Palesetinjani militanti fix-Xatt tal-Punent u li fih kienu mietu disa’ persuni.

Il-miżuri l-ġodda jesiġu wkoll biex il-familja ta’ kwalunkwe aggressur Palestinjan titlef id-dritt għal residenza kif ukoll għas-sigurtà soċjali – bil-Kabinett sħiħ Iżraeljan bħalissa qed jiltaqa’ biex jikkunsidra dawn il-miżuri.

Kelliema f’Ġerusalemm qalu li l-miżuri huma intenzjonati ‘għall-familji ta’ terroristi li jappoġġjaw it-terroriżmu’, bil-proposti jaqblu mal-politika tal-elementi tal-lemin estrem fil-Gvern tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu.

L-aħħar attakki fuq l-Iżraeljani qanqlu għadab kbir waqt li l-Prim Ministru Netanyahu wiegħed ‘reazzjoni qawwija u f’waqtha’ fl-interessi tas-sigurtà.

Dan waqt li l-Armata Iżraeljana qalet li qed tkun qed tirrinforza lill-ammonti tat-truppi fix-Xatt tal-Punent okkupat.

L-elementi politiċi tal-lemin f’Iżrael – li għenu għar-ritorn fil-poter ta’ Netanyahu —  jaqblu kollha dwar il-ħtieġa li ċ-ċivili jġorru l-armi bħala difiża ‘minħabba li dawn jistgħu jispiċċaw attakkati minn ħin għall-ieħor’.