Lokali

“Irrid soċjetà fejn tirrenja l-ġustizzja u jkollna serħan il-moħħ” – Bernard Grech

“Jien irrid soċjetà fejn tirrenja l-ġustizzja… irrid ngħix f’soċjeta fejn int ikollok serħan il-moħħ u tgħix b’mod diċenti f’pajjiż ġust”.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu kien qed jindirizza attività politika li saret f’Ħ’Attard.

Bernard Grech qal li l-Gvern Laburista jipprova jimpressjoni b’diskors kbir iżda mbagħad ma jwettaq xejn… Gvern tal-qerq li ma jżommx ma’ dak li jwiegħed.

Huwa qal li kull individwu għandu bżonn is-serħan il-moħħ hekk kif kollox jorbot ma’ din il-ħaġa… serħan il-moħħ li wieħed ikollu impjieg tajjeb, servizz tas-saħħa tajjeb u li jħossu sigur fit-toroq Maltin u Għawdxin. Saħaq li fl-imgħoddi kien hemm Gvern Nazzjonalista li kien iserraħ l-imħuħ tan-nies li fost l-oħrajn l-istituzzjonijet qed jaħdmu.

Il-Kap tal-PN qal li llum il-ġurnata bosta persuni huma inkwetati b’dak kollu li qed iseħħ f’pajjiżna fejn fost l-oħrajn bħalissa hemm nuqqas kbir ta’ mediċini, numru ta’ operazzjonijet li qed jitħassru. Iżda l-Gvern ta’ Robert Abela mhux joffri serħan il-moħħ.

Benard Grech irrefera għall-Ministru Byron Camilleri li ħoloq klima li qed tiddemoralizza lill-Pulizija ta’ pajjiżna, dan hekk kif in-nuqqas ta’ siġurtà huwa tort ta’ dawk li f’pajjiżna daħlu sens ta’ impunità.

Saħaq li f’pajjiżna min hu kriminali għandu serħan il-moħħ… iżda dawk li qed ibatu biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u dak li jistinkaw biex jaħdmu u jaqilgħu l-flus, m’għandhomx serħan il-moħħ.

Bernard Grech qal li quddiem din is-sitwazzjoni l-PN huwa kommess li jibqa’ jaħdem sabiex jagħti s-sigurtà u s-serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Partit Nazzjonalista li jrid jagħti serħan il-moħħ lill-ġenerazzjonijet futuri fosthom anke lit-tarbija fil-ġuf. Partit Nazzjonalista li se jibqa’ jaħdem sabiex ipoġġi l-interess tal-poplu l-ewwel u qabel kollox.