Lokali

“Kull riforma għandha tkun b’rispett sħiħ lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà” – Darren Carabott

“Fil-jiem li għaddew il-Partit Nazzjonalista nieda dokument għal skop ta’ konsultazzjoni pubblika bit-tema: ‘Gvern Lokali ta’ Vera’. Permezz ta’ dan id-dokument, il-Partit Nazzjonalista għandu l-mira li jressaq ’il quddiem proposti li permezz tagħhom ikun qiegħed jiġi assigurat futur għall-governanza lokali.

Dan qalu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Darren Carabott f’kummenti lil ‘Il-Mument’.

“Għalhekk il-Partit Nazzjonalista ħareġ dan id-dokument bil-proposti għal din ir-riforma, b’ħarsa ffukata fuq id-diċentralizazzjoni. Dan għaliex bħala Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni qiegħed jifhem li għandu politika differenti minn dik tal-Gvern preżenti.

“Fl-istess waqt il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li minkejja li fl-2017 kienet tnediet riforma dwar il-Politika tal-Gvern Lokali, sal-lum din għadha ma ġietx imwettqa kollha.” Darren Carabott, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika, f’kummenti lil Il-Mument dwar dan id-dokument ta’ proposti fisser li mhuwiex aċċettabbli li l-viżjoni u l-politika tal-Gvern Laburista għall-Gvern Lokali tinbidel hekk kif jinbidel il-politiku responsabbli.

Hemm numru ta’ miżuri li sal-lum għadhom fuq l-ixkaffa u ma ġewx implimentati. Il-Partit Nazzjonalista jappella serjament lill-Gvern biex iħares u jara li d-Dipartiment għall-Gvernijiet Lokali jwassal assistenza effiċjenti u jkun ta’ gwida ċara, iħares lejn l-interessi fl-operat tal-Gvernijiet Lokali biex igawdu r-residenti, u kif ukoll iwassal riżultati tanġibbli fis-sistema tal-governanza lokali.

Fl-istess waqt, kompla Darren Carabott, għandu jiġi assigurat li l-Bord tal-Governanza Lokali jiffunzjona u li joffri rimedju għall-Kunsillieri Lokali. Din ir-riforma għandu jkollha għan wieħed… li mhux isservi ta’ okkażjoni oħra biex taparsi tittieħed azzjoni, iżda għandha tkun verament mixja lejn aktar diċentralizazzjoni b’rispett sħiħ lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà. B’hekk biss jista’ jkollna Gvern Lokali ta’ vera.

Mistoqsi dwar kif immatura dan id-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika, Darren Carabott fisser li l-piż hu fuq il-politiċi li jiddeċiedu l-futur tal-Gvernijiet Lokali u tar-residenti li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qegħdin jitilfu l-fiduċja fil-Gvernijiet Lokali għaliex mhumiex qegħdin jinqdew fuq l-aktar affarijiet bażiċi.

Però, u importanti, mhumiex jinqdew għaliex il-Gvernijiet Lokali ġew imneżża’ mir-responsabbilitajiet mill-Gvern Ċentrali. Dan għaliex il-Gvern Ċentrali ħa sservizzi kważi kollha f’idejh. “Ċert li jekk nimxu lejn diċentralizzazzjoni, ikollna servizz aħjar għar-residenti tagħna. Għalhekk din ir-riforma hi importanti għaliex permezz ta’ din ir-riforma bħala politiċi kapaċi nwasslu messaġġ qawwi li verament nemmnu f’sistema lokali u diċentralizzata fejn kull lokalità kapaċi tmexxi hi u tagħżel in-nies li jridu jmexxuha ’l quddiem,” fisser Darren Carabott.

Hu qal li bħala Partit Nazzjonalista, għażilna li fl-aktar żminijiet iebsa għall-Gvernijiet Lokali għandna niffukaw fuq id-diċentralizzazzjoni u s-sussidjarjetà. Din il-politika tagħmel distinzjoni ċara bejn it-twemmin politiku fil-Gvernijiet Lokali bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Dan għaliex minbarra li l-Partit Nazzjonalista kien dak li welled il-Gvernijiet Lokali, illum hu l-uniku forza politika li jrid isaħħaħhom.

Issa li qegħdin noqorbu għat-tletin sena ta’ Gvernijiet Lokali hemm bżonn li jkollna ‘Gvern Lokali ta’ Vera’. “Għażilna din it-tema bi skop, u dan għaliex aħna nemmnu li l-ewwel punt li rridu naqblu fuqu hu jekk bħala pajjiż irridux li nagħtu tifsira lill-kelma “Gvern” fil-Gvernijiet Lokali.

“Aħna nemmnu fiha u bil-fatti mhux bil-paroli… kif jixhed dan id-dokument,” temm Darren Carabott.