Internazzjonali

L-Istati Uniti: Ixolju taqsima tal-pulizija wara l-qtil ta’ Tyre Nicols

Protesters march Saturday, Jan. 28, 2023, in Memphis, Tenn., over the death of Tyre Nichols, who died after being beaten by Memphis police. (AP Photo/Gerald Herbert)

Id-Dipartiment tal-Pulizija f’Memphis xolja lit-taqsima ( special unit) tiegħu bl-isem Scorpion meta l-uffiċjali tagħha qed ikunu akkużati dwar il-qtil ta’ raġel bl-isem ta’ Tyre Nicols.

Il-każ kien seħħ fis-7 ta’ Jannar u l-pulizija responsabbli, għall-bidu, qalu li huma kienu waqqfu lil Nichols fuq suspett li hu kien qed isuq il-karozza tiegħu bl-addoċċ u b’dan ir-rapport jibqa’ mhux issostanzjat.

Intant, it-taqsima Scorpion (Street Crimes Operation to Restore Peace in Our Neighbourhoods) —  magħmul minn 50 membru inkarigati biex inaqqsu l-kriminalità f’xi zoni speċifiċi — mgħadhiex  tiffunzjona fost ir-rabja ġenerali tan-nies għall-filmati li ħarġu u li fihom l-uffiċjali tal-pulizija jidhru qed isawwtu bla ħniena lil Nicols, li miet l-isptar tlett ijiem wara.

Id-Dipartiment tal-Pulizija f’Memphis ħareġ stqarrija fejn qal li t-taqsima spiċċat ‘de-attivata’ fl-interess ta’ kulħadd u li d-Dipartiment hu impenjat biex jieħu l-passi proattivi f’din is-sitwazzjoni traġika. Il-familja tal-vittma, intant, laqgħet id-deċiżjoni b’sodisfazzjon u fissritha bħala xierqa fiċ-ċirkustanzi.

Il-ħames uffiċjali tal-pulizija involuti fl-aggrediment ta’ Tyre Nicols tkeċċew mis-servizz xi jiem ilu u meta kull wieħed minnhom qed jiffaċċja, fost oħrajn, akkużi ta’ omiċidju mhux premeditat, aggressjoni fuq persuna u komportament mhux xieraq għal uffiċjal pubbliku. Erba’ minn dawn il-pulizija, intant, ingħataw il-libertà proviżorja u mistenni li huma jwieġbu li mhumiex ħatja għall-akkużi miġjuba kontra tagħhom.