Internazzjonali

L-Ukrajna: Sitwazzjoni staġnata għall-qawwiet ta’ Putin f’Bakhmut

Il-Grupp Wagner, magħmul mill-merċenarji u li meqjus bħala l-Armata Privata tal-President Russu Vladimir Putin naqas milli jagħmel il-kisbiet militari sinifikanti fil-battalji għall-kontroll ta’ Bakhmut. Dan mindu din l-Armata kienet ħatfet il-kontroll ta’ Soledar, viċin ta’ Bakhmut, fit-12 ta’ Jannar.

Għaldaqstant, l-aħħar rapporti qalu li t-taqsimiet tal-Armata konvenzjonali tar-Russja, issa, qed jipparteċipaw aktar fil-battalji li għaddejjin f’Bakhmut bil-ħsieb li jagħtu saħħa ġdida lill-offensiva tal-qawwiet ta’ Putin. Dan ukoll meta l-Ukreni baqgħu jirreżistu b’mod effettiv għall-attakki fost indikazzjonijiet li d-difiża ta’ Bakhmut għandha tkompli għat-tul taż-żmien.

Skont l-Institute for the Study of War, l-Armata Russa konvenzjonali aktar għandha tieħu post il-ġellieda tal-Wagner li spiċċaw ‘eżawriti’ f’Bakhmut u l-madwar. Madankollu, l-analisti jemmnu li l-potenzjal militari tar-Russja fir-rigward ta’ Bakhmut għandu jitqies bħala ‘qawwi’ u li hu rifless fil-kapaċità tar-Russi biex jistazzjonaw il-qawwiet addizzjonali f’dik iz-zona delikata tal-Ukrajna.