Il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li l-qtil tal-accountant Lino Cauchi seħħ b’riżultat tal-klima ta’ vjolenza politika li kien hawn fl-1982 u minħabba fis-servizzi professjonali minnu mogħtija lil diversi nies, uħud minnhom fi ċrieki politikament vjolenti u abbużivi ta’ dak iż-żmien, inkluż membri formanti parti mill-Gvern (Laburista), fi żmien politiku turbulenti u vjolenti u għalhekk Lino Cauchi kien jaf b’diversi abbużi tal-istess nies.
Nhar il-Ħamis 26 ta’ Jannar 2023, l-Imħallef Francesco Depasquale ordna li l-familja ta’ Lino Cauchi tingħata kumpens ta’ €615,000 minħabba li l-pulizija ma investigatx, minħabba li investigat ħażin u għax l-Istat naqas milli jipproteġi l ħajja ta’ Lino Cauchi.
Dawn huma siltiet mis-sentenza tal-Imħallef Franco Depasquale.
Qabel inqatel Lino Cauchi
Lino Cauchi kien accountant mal-Uffiċċju Diamantino Manfre, li kien Uffiċċju mqabbad ħafna u kien magħruf li jagħti servizzi finanzjarji lil korpi parastatali, lil dipartimenti tal-gvern, kif ukoll lil numru ta’ klijenti involuti fl-iżvilupp ta’ proprjetà, inkluż ukoll politiċi prominenti fil-Gvern (Laburista) ta’ dak iż-żmien. Fit-3 ta’ Settembru 1981, wieħed mis soċji ta’ Diamantino Manfre, Lino Manfre, daħal l-Isptar San Luqa għal vista medika u wara ftit jiem instab mejjet fis sodda tiegħu f’ċirkostanzi misterjużi.
Dan il-fatt qatt ma ġie investigat mill-awtoritajiet u ġie rreġistrat li miet kawża naturali. Wara dak li ġara lil Lino Manfre, Lino Cauchi rrealizza li ħajtu kienet f’periklu riżultat tal-ħidma professjonali tiegħu u s-servizzi li kien jagħti lill-grupp ta’ nies politikament potenti u bla ebda skrupli.
Dakinhar li nħataf
L-aħħar darba li martu Anna rat lil Lino Cauchi kien fis-1.30 pm tal-istess ġurnata meta għeb, fil-15 ta’ Frar 1982 meta hu telaq lura lejn l-uffiċċju tiegħu fil-Belt b’bagalja f’idejh, li nstabet fis-17 ta’ Frar 1982 abbandunata, sgassata u vojta f’Chadwick Lakes. L-għada li għeb, Charles Zammit li identifika ruħu bħala uffiċjal tad-Dipartiment tat-Taxxa, ħabbat fuq il-bieb tad-dar tiegħu u fuq struzzjonijiet tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni, talab il-bagalja. Mart Lino Cauchi, imfixkla kif kienet fiċ-ċirkustanzi, għaddiet il-bagalja li kien hemm id-dar lil din il-persuna. Dan il-fatt ukoll qatt ma ġie investigat b’serjetà mill-Pulizija.
Jinstabu l-fdalijiet
Fil-15 ta’ Novembru 1985 instabu l-fdalijiet ta’ persuna f’bir fil-Buskett. F’Lulju 1986, l-espert forensiku Ian West, iddikjara li fdalijiet misjubin f’Novembru 1985 fil-Buskett kienu ta’ Lino Cauchi. Minkejja din l-informazzjoni, l-awtoritajiet, fl-1986, xorta ma għamlu xejn. Dakinhar li nstabu l-fdalijiet, saret inkjesta fuq is-sejbien immexxija mill-Maġistrat David Scicluna, fejn widdeb lill-awtoritajiet għall-cover up li kien qed isir.
Ma saritx inkjesta
L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ikkonfermat li għalkemm il-Maġistrat Inkwerenti, dak iż-żmien il-Maġistrat David Scicluna, kien irrakkomanda lill-Pulizija biex tiftaħ inkjesta oħra biex tinvestiga l-għejbien ta’ Lino Cauchi separatament mill-inkjesta li kellha f’idejha u li kellha titkompla tiġi investigata, l-Avukat Ġenerali ta’ dak iż-żmien kien ordna biex ma tinfetaħx peress li ġie kkunsidrat li l-investigazzjoni ulterjuri kienet taqa’ taħt l-istess investigazzjoni oriġinali.
Negozjant mhedded li jiġrilu bħal Lino Cauchi I
d-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Pierre Calleja xehed li fl-investigazzjonijiet li hu kien qed jieħu ħsieb wara 2001, il-Pulizija arrestaw lil Piju Camilleri diversi drabi biex jinterrogawh. Hu kkonferma li qabel dan l-arrest, ħadd qatt ma kien ġie arrestat, għajr għall-mara ta’ Lino Cauchi, li madwar sena wara l-għejbien ta’ Lino Cauchi kienet inżammet arrestata għal madwar disgħa sigħat u saħansitra tniżżlet fil-lock up tas-CID.
Gvern Laburista jwaqqaf l-investigazzjoni dwar Lino Cauchi fl-1996
Il-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo xehed li fl-1996, kienet ġiet ikkreata Kummissjoni bl-għajnuna tal-Metroplitan Police ta’ Scotland Yard, biex jiġu investigati żewġ każijiet partikolari; il-qtil ta’ Karin Grech u ta’ Lino Cauchi. Il-Kummissjoni għamlet madwar erba’ xhur taħdem u kienet laħqet għamlet ħafna xogħol siewi fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Karin Grech. Ġara, iżda, sussegwentement kien hemm tibdil fit-tmexxija tal-Gvern, il-Kummissjoni twaqqfet tkompli topera, u għalhekk l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Lino Cauchi ma setax jitkompla. John Rizzo sostna li d-deċiżjoni ġiet lilu komunikata “ħabta u sabta” f’Novembru 1996, ftit ġimgħat wara l-elezzjoni li kienet saret f’Ottubru 1996, meta kien ġie elett il-Partit Laburista u stqarr li ma jafx u ma jistax jifhem għaliex twaqqfet milli tkompli topera.
Theddid minn Lorry Sant
In-negozjant tal-proprjetà Joe Pace, magħruf bħala ‘Tal-Magik Kiosk’, irrakkonta t-theddid u rikatti regolari li hu kellu minn Lorry Sant u Piju Camilleri. Hu tkellem dwar laqgħa partikolari li kellu ma’ Lorry Sant waħdu, fid-dar ta’ Lorry Sant, fejn qal: “Kont il-villa tiegħu l-Fgura. Konna jiena u hu biss, lanqas il-mara ma kien hemm.
Meta għidtlu hekk, qalli ara x’qed ngħidlek, jekk ma tagħmilx dak li qed ngħidlek, ngħid lil Piju Camilleri u nagħmlulek bħalma għamilna lil Lino Cauchi. Wara irrealizzajt min kien Lino Cauchi għax qatt ma tajt każ. Staqsejtu x’ried ifisser b’dan. Qalli “ma tafx x’gara?” Dan ilu xi 14-il sena. Ma rrekordjajtux eżatt. Naf li werwirni u fhimt eżatt x’kien qed jgħid għax kont qrajt fil-gazzetti li Lino Cauchi kien għeb u irrealizzajt dak li ġara fl-uffiċċju tiegħu fit-8 ta’ Diċembru tal-1981 peress li Lino Cauchi kien sparixxa ftit jiem wara l-inċident li kien hemm fl-uffiċċju tiegħu ta’ din id-data. Jien ma ridtx nisparixxi wkoll għax rajt kummiedji f’ħajti”
Il-klikka qatlet lil Lino Cauchi
Joseph Borg xehed ukoll li meta għadda ċertu żmien, jidhirlu li Victor Balzan qallu li Lino Cauchi mejjet. “Naħseb li kien għadda xi sena jew sentejn mill-għejbien ta’ Lino Cauchi. Forsi m’għaddewx sentejn”. Mistoqsi jekk Victor Balzan qallux kif miet Lino Cauchi, Joseph Borg wieġeb “le ma qallix”. “Din kienet ħaġa li anke jien kont ili nħossha. Li qalli Victor dakinhar… ma qallix min kien qalulu lil Victor. Jien lanqas staqsejtu. La qalli kif miet u lanqas qalli min qatlu. Niftakar li Victor Balzan darba kien qalli li l-klikka ta’ Lorry Sant kienu qatlu lil Lino Cauchi. Ma qallix il-klikka min hi. Imma jien bil-klikka nifhem li din tinkludi lil Victor Balzan stess, Piju Camilleri in-number one, Joe Camilleri, Joe Pace li kellhom konnessjoni diretta u jista’ jkun ukoll però din il-persuna ma nsemmihiex għaliex m’għandhiex x’taqsam”.
Piju Camilleri ċaħad dan kollu u qal li kien iltaqa’ darba waħda biss ma’ Lino Cauchi
Mhux se terġgħu taraw lil Lino Cauchi darb’oħra
Jirriżulta li Lino Cauchi ma nqatilx biss minħabba fil-politika turbulenti li kien hemm, iżda nqatel riżultat tal-fatt li huwa kien qiegħed jippresta servizzi lill-persuni li kienu “fi ċrieki politikament vjolenti u abbużivi” u peress li kien jaf bl-abbużi tagħhom, safa maqtul.
Jirriżulta li Joe Borg jistqarr li, fl-aħħar ta’ dik il-laqgħa ta’ Diċembru 1981, hekk kif huwa qal lil Cauchi li jerġgħu jiltaqgħu fis-sena li kien ġej, huwa sema’ lil Piju Camilleri jgħid li mhumiex se jerġgħu jaraw lil Lino Cauchi darba oħra. Borg fehem li din kienet theddida għall-ħajjet Cauchi, li miegħu Piju Camilleri diġà kellu ġlieda.
Qalulu li Lino Cauchi miet ferm qabel instabu l-fdalijiet
Il-Qorti osservat li Joe Borg jistqarr li Victor Balzan, li kien midħla ta’ Piju Camilleri u Lorry Sant, kien għarrfu li Lino Cauchi kien miet, ferm qabel ma attwalment instabu l-fdalijiet tiegħu. Għalhekk, ikkunsidrata l-korruzzjoni ċara li kienet issir b’impunità minn klikka ta’ nies li fiha kien involut Lorry Sant u Piju Camilleri, fil-kuntest tal-vjolenza li seħħet regolarment, fejn saħansitra lil Joseph Borg saritlu bomba d-dar, il-Qorti tasal għall-konvinzjoni morali, li Lino Cauchi nqatel għax kien jaf wisq dwar l-intriċċi u korruzzjoni li kien qed isir minn Lorry Sant, Piju Camilleri u l-klikka tagħhom.
Kien stabbilit li l-Pulizija żammew kollox mistur u ma eżaminawx l-aħjar prova li kellhom fil-pussess tagħhom. Il-pulizija ma investigawx il-karrozza ta’ Cauchi u l-bagalja tiegħu.
Il-Qorti kkonkludiet li l-għejbien u d-delitt ta’ Lino Cauchi seħħu riżultat tal-klima politika ta’ dak iż-żmien u dan bħala konsegwenza tal-fatt li, minħabba fis-servizzi professjonali minnu mogħtija lil diversi nies, wħud minnhom fi ċrieki politikament vjolenti u abbużivi ta’ dak iż-żmien, inkluż membri formanti parti mill-Gvern, fi żmien politiku turbulenti u vjolenti, kien jaf b’diversi abbużi tal-istess nies.
Il-Qorti ddikjarat li l-Gvern ta’ Malta naqas milli jipproteġi l-ħajja ta’ Lino Cauchi, u wara l-għejbien tiegħu fil-15 ta’ Frar 1982, u s-sejbien tal-fdalijiet tiegħu fil-15 ta’ Novembru 1985 naqas milli jwettaq investigazzjoni f’waqtha. Il-familja ta’ Lino Cauchi hi rappreżentata fil-Qorti mill-Avukat Peter Fenech.
//= $special ?>