Futbol Sport

Milan u Juventus jiddiżappuntaw…Napoli b’pass ieħor lejn ir-rebħ tal-kampjonat

(Ritratt: EPA)

Milan sofrew it-tieni telfa konsekuttiva meta kienu megħluba f’darhom minn Sassuolo 5-2. Milan kellhom gowl ta’ Olivier Giroud mħassar permezz tal-VAR wara tmien minuti. Sassuolo fetħu vantaġġ doppju b’gowls minn Gregoire Defrel u Davide Frattesi qabel ma’ Olivier Giroud naqqas l-iskor fl-24 minuta. Sitt minuti wara, Sassuolo għal darb’oħra fetħu vantaġġ doppju permezz ta’ Domenico Berardi. Fit-tieni taqsima, Sassuolo komplew fuq l-ewwel waħda u għamlu l-iskor 4-1 permezz ta’ penalty ta’ Armand Lauriente. Il-VAR għal darb’oħra ħassret gowl ieħor ta’ Milan din id-darba ta’ Ante Rebic. Matheus Henrique għamel l-iskor 5-1 fid-79 minuta b’Divock Origi jnaqqas l-iskor għal 5-2 fil-81 minuta.

Juventus ukoll sofrew telfa mhux mistennija meta kienu megħluba minn Monza 2-0. Monza kellhom gowl imħassar ta’ Gianluca Caprari wara 10 minuti iżda marru fil-vantaġġ fit-18-il miuta permezz ta’ Patrick Ciurria. Dany Mota skorja l-gowl li aċċerta mir-rebħa fid-39 minuta.

Fi Stadio Diego Maradona, Napoli kisbu rebħa ta’ 2-1 fuq Roma. Kienu Napoli li fetħu l-vantaġġ fl-ewwel taqsima b’gowl mill-isbaħ ta’ Victor Osimhen. Roma ġabu l-iskor indaqs kwarta mit-tmiem permezz ta’ Stephan El Shaarawy iżda s-sostitut, Giovanni Simeone skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa għal Napoli fis-86 minuta.

Lazio u Fiorentina ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 1-1. Nicolo Casale poġġa lil Lazio fil-vantaġġ wara tmien minuti. Fiorentina ġabu l-iskor indaqs fid-49 minuta b’gowl ta’ Nicolo Gonzalez.