Futbol Sport

Tiġrijiet taż-Żwiemel: Hooker Berry impressjonanti fil-Grand Prix d’Amerique

Kenneth Vella

Fil-korsa ta’ Vincennes f’Pariġi fi Franza saret l-edizzjoni ta’ din is-sena tat-tiġrija ewlenija fil-kalendarju tat-trott mondjali, il-Grand Prix d’Amerique. B’kollox ġrew sittax -il żiemel fuq distanza twila ta’ 2700m. Ħareġ rebbieħ il-Franċiż Hooker Berry misjuq mill-popolari Franċiż Jean Michel Bazire. Dan attakka fuq in-naħħa ta’ barra fl-aħħar metri biex qasam il-linja finali l-ewwel f’medja ta’ 1.11.7” fil-kilometru. Ampia Mede SM (Franck Nivard) daħlet it-tieni minn Italiano Vero (David Thomain) u Hip Hop Haufor (Christian Bigeon).

Ta’ min wieħed jinnota li dan kien il-ħames suċċess ta’ Bazire fl-Amerique. Hu kien rebaħha wkoll fl-1999 bl-Amerikana Moni Maker, fl-2004 b’Kesaco Phedo, fl-2015 b’Up And Quick u fl-2019 b’Belina Josselyn. Is-sena li għaddiet kien ibnu Nicolas li ttrijonfa b’Davidson Du Pont.