Internazzjonali

Afrika t’Isfel: Imutu fi sparatura waqt festin

Talanqas għaxar persuni nqatlu – b’oħrajn jisfaw midruba – waqt sparatura f’dar privata u li seħħet waqt festin  għall-għeluq snin ta’ wieħed mir-residenti.

Ir-rapporti qalu li żewġ armati mhumiex identifikati qabdu jisparaw ‘bl-addoċċ’ lejn il-mistednin li kienu qed jiżfnu u jiddevertu waqt il-party li kien qed isir fit-township ta’ Kwazakhle, fil-belt ta’  Gqeberha li tifforma parti mill-Eastern Cape Province.

Ma saru l-ebda arresti, bil-pulizija tibda tfittxija intensiva għall-irġiel armati.

Ingħad li l-vittmi jinkludu s-sid tad-dar fejn kien qed isir il-festin, b’kelliema għall-Pulizija jsostnu li huma kienu se jkomplu bit-tfittxija għall-kriminali responsabbli li jridu jħallsu għall-attakk brutali u kodard fuq in-nies innoċenti.

Il-Ministru responsabbli mill-Pulizija, Bheki Cele, fl-aħħar sigħat żar is-sit tar-reat u talab għall-‘paċenzja’ waqt li l-investigazzjoni qed tkompli.