Sport Sport Ieħor

Domenic Aquilina jniedi l-awtobijografija tiegħu b’risq il-karità

Il-fotografu freelance ta’ esperjenza Domenic Aquilina nieda l-ewwel pubblikazzjoni awtobijografija tiegħu bit-titlu “Domenic Aquilina – The Malta Falcon” bil-qligħ kollu mill-bejgħ tal-kotba jmur lejn Hospice Malta. Il-ktieb jiġbor b’mod metikoluż l-avventimenti ewlenin tal-40 sena u aktar tax-xogħol tal-fotografu Malti, u jelenka l-vjaġġ tiegħu minn dilettant tal-isports freelance biex eventwalment wasal li jkopri logħbiet ewlenin tal-futbol tal-UEFA, fosthom 15-il finali tal-UEFA Champions League.

Il-fotografu li tgħallem waħdu u li jispeċjalizza fil-fotografija sportiva kiseb bosta premjijiet u rikonoxximenti matul il-karriera distinta tiegħu. Prinċipalment fosthom hemm ir-rebħ tal-premju “Sport General Photographer of The Year 2011” tas-Societies UK, u r-rebbieħ 5 darbiet tal-“Malta Sports Photographer of the Year”tal-Malta Journalism Awards fost oħrajn.

Preżenti għat-tnedija tal-ktieb uffiċjali fil-Cavalieri Art Hotel f’San Ġiljan kien hemm David Farrelly, Direttur tal-Komunikazzjoni mal-FIFA li tkellem ħafna dwar il-ħila u l-esperjenza ta’ Aquilina biex jaqbad il-mumenti sportivi storiċi, li permezz tagħhom iwassal il-passjoni awtentika, ferħ, trijonf, diżappunti, ħidma f’tim, u drama lil kull min jarahom madwar id-dinja. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta, Kenneth Delia, li kien preżenti għat-tnedija rringrazzja lil Aquilina għall-ġest altruistiku tiegħu u tkellem dwar kif din l-awtobijografija se tispira ġenerazzjonijiet ġodda ta’ fotografi sportivi fis-snin li ġejjin. Ida Linda Reitano, avukata internazzjonali fil-kummerċ tal-isports kienet preżenti wkoll għat-tnedija tal-ktieb.

Aquilina qal: “Din l-awtobijografija tiġbor fiha l-vjaġġ tiegħi tul il-ħajja mill-bidu ta’ dilettant li jħobb il-futbol sa fotografu sportiv professjonali ġeneriku. Ix-xewqa tiegħi hi li permezz ta’ dan il-ktieb nista’ nsawwar u nispira lil kull min se jaqra dal-ktieb biex isegwi l-ħolm tiegħu u jaħdem bis-sħiħ biex issir realtà – mhux biss fl-isport jew fil-fotografija, iżda fi kwalunkwe għażla tal-ħajja li jagħmilhom passjonat. B’mod partikolari nixtieq nirringrazzja lill-mentor tiegħi, David Farrelly, għall-preżenza tiegħu waqt dan l-avveniment speċjali. Grazzi kbira wkoll lill-isponsors kollha li għenu għal kawża daqshekk tajba.”

Il-ktieb huwa fi stil hardbound u qed jinbiegħ għal €30 kull kopja fil-ħwienet ewlenin tal-kotba bil-qligħ kollu jmur lejn Hospice Malta.

It-tnedija tal-ktieb se tkun assoċjata wkoll ma’ wirja ta’ fotografija li tinkludi l-aqwa 25 ritratti ta’ Aquilina meħuda tul il-karriera distinta tiegħu fil-fotografija sportiva. Il-wirja se tkun ospitata fil-Cavalieri Art Hotel sal-10 ta’ Frar 2023. L-immaġini fotografiċi ta’ Aquilina, stampati f’30×20 pulzier, fuq folji sbieħ tal-aluminju ta’ 5mm, qed jinbiegħu għal €250 kull wieħed, fuq bażi ta’ first come first served. Il-bejgħ minn dawn ir-ritratti fotografiċi uniċi esebiti se jkun dirett ukoll lejn Hospice Malta.

Il-proġett sar possibbli permezz tal-isponsors ewlenin; JP Portelli u iLab Photo Labs, kif ukoll Atlas Insurance, Responsible Gaming, Q Media Limited, Embark, Dizz Group, Dhalia Real Estate u VisitMalta. Kontributuri oħra jinkludu The Concept Stadium, Cavalieri Art Hotel, Wines & Co, Gutenberg Press u d-disinjaturi Ramon u Antoinette Micallef.