Lokali

Fi kriżi ta’ nuqqas ta’ sigurtà fil-postijiet tax-xogħol il-Gvern jipproponi bidliet nofs kedda u perikolużi fil-Kodiċi Kriminali – PN

Filwaqt li pajjiżna jinsab fi kriżi ta’ nuqqas ta’ sigurtà fil-postijiet tax-xogħol b’numru dejjem jiżdied ta’ inċidenti uħud minnhom fatali, mingħajr konsultazzjoni, il-Gvern qed jipproponi tibdiliet nofs kedda u perikolużi fil-Kodici Kriminali.
L-istatistika tikkonferma li f’pajjiżna għandna kriżi ta’ nuqqas ta’ sigurtà fil-postijiet tax-xogħol, tant li skont l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-ewwel nofs tas-sena 2022, f’pajjiżna kien hawn disa’ inċidenti fatali u 1,164 inċident mhux fatali.

Sostnew dan id-Deputati Parlamentari Nazzjonalisti Stanley Zammit u Karol Aquilina li saħqu li dan ifisser żieda fuq is-sena ta’ qabel, kemm fl-inċidenti fatali, kif ukoll f’dawk li ma kienux.

F’tentattiv fqir biex jidher li qed jagħmel xi ħaġa għall-kriżi li ħoloq hu stess, il-Gvern qed iressaq emendi nofs kedda u perikolużi għall-Kodiċi Kriminali.

Il-Partit Nazzjonalista jifhem li l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA) ma tistax tibqa’ tiddependi fuq min iħaddem, li hu obbligat bil-Liġi li javżaha bl-aktar mezzi mgħaġla prattikabbli, meta jkun seħħ inċident fil-post tax-xogħol. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-Maġistrat Inkwirenti għandu jinforma lil Awtorità b’inċident mill-bidu nett tal-Inkjesta.

Filwaqt li jerġa’ jinsisti li l-Gvern ma jistax jibqa’ ċass u jinħeba wara Inkjesti li jieħdu xhur jekk mhux snin biex jitlestew, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li bil-bidliet proposti fil-Kodiċi Kriminali, il-Gvern se jkun qed joħloq sitwazzjoni ta’ indħil minn Awtorità lill-Maġistrat Inkwirenti li jwassal għall-ksur tad-drittijiet tal-vittmi u tal-akkużati.

Għalhekk, filwaqt li bħal dejjem hu miftuħ għall-konsultazzjoni u d-diskussjoni matura, il-Partit Nazzjonalista ser jkun qed jiġbed l-attenzjoni tal-Gvern dwar numru ta’ diffikultajiet legali li jistgħu jinqalgħu b’rabta mal-integrità u l-indipendenza tal-Inkjesta Maġisterjali u mad-drittjiet ta’ persuni li jkunu qed jiġu investigati u/jew akkużati.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-proposta tiegħu li jitwaqqaf l-Uffiċċju tal-Ġudikatura Inkwirenti, kompost minn numru ta’ Maġistrati li jispeċjalizzaw fl-Inkjesti biss. Din il-proposta ssemmiet ukoll mill-Prim Imħallef f’diversi diskorsi tiegħu. Madankollu, il-Gvern għadu s’issa ma ħa l-ebda azzjoni biex din il-proposta tidħol fis-seħħ.

Il-Partit Nazzjonalista isejjaħ mill-ġdid għal azzjoni immedjata mill-Ministru tal-Ġustizzja biex jiżgura li, b’mod immedjat, il-Qrati ta’ pajjiżna jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa ħalli kull Imħallef u Maġistrat ikun jista’ jaqdi d-doveri tiegħu b’mod effettiv u fi żmien raġjonevoli.