Futbol Sport

Ħamrun pass eqreb, l-ebda rebbieħ fid-derby u l-ġlieda kontra r-relegazzjoni

(Ritratt: Joseph Galea)

Minkejja li spiċċaw jilagħbu b’disa’ players, Valletta kisbu punt mill-konfront kontra l-ġirien tagħhom u rivali eterni Floriana. Kienet logħba li l-episodji ma’ naqsux fejn meta wara nofs siegħa logħob tkeċċa Rowen Muscat, ħafna ħasbu li l-partita kienet mitlufa għall-Beltin. Minkejja dan, mertu tagħhom u nuqqas min naħa tal-Greens, ir-riżultat baqa’ ma’ nfetaħx. Fil-fatt wara bidu b’saħħtu minn Valletta, bdew jidhru aktar Floriana biex wara t-tkeċċija ħadu l-kontroll tal-logħba f’idejhom. Iżda għal darb’oħra evidenti n-nuqqas ta’ saħħa li għandhom fl-attakk Floriana fejn għan-numru ta’ okkażjonijiet li ħolqu baqgħu ma’ sabux it-triq tal-gowl. Din kienet it-tieni darba konsekuttiva li Floriana kellhom superjorita numerika u m’approfittawx hekk kif il-ġimgħa l-oħra huma tilfu kontra Birkirkara.  Fiċ-ċirkostanzi, Valletta jistgħu jħossuhom sodisfatti li ħadu punt minn logħba li dejjem kienet għat-telgħa.

Rowen Muscat jiġbed mill-flokk lil Jose Arias u jieħu l-ewwel karta safra (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Rebħa komda għal Ħamrun Spartans, dan wara li huma għelbu lil Sirens bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0. Kien pass ieħor importanti mill-Ispartans lejn ir-rebħ tad-disa’ kampjonat fl-istorja tagħhom. Għal darb’oħra determinanti kienu l-gowls ta’ Elvis Mashike li nhar il-Ħadd li għadda sab ix-xibka darbtejn fejn b’hekk issa skorja ħdax-il gowl  u jinsab fit-tieni post tal-lista tal-aqwa skorers. Forsi mill-aspett negattiv kienet l-injury li sofra Steve Borg fl-ewwel taqsima tal-logħba biex Ħamrun wara ġimgħa mimlija kontroversja minħabba l-każ Joseph Portelli kisbu dak li riedu minn din il-partita. Ederson u Elvis kienu l-aktar players li spikkaw għal Ħamrun fejn dawn kienu wisq għad-difiża avversarja. Sirens jibqgħu ftit ‘il fuq miż-żona relegazzjpni forsi mhux f’periklu iżda jridu jkunu kawti u jakkwistaw ftit aktar punti sabiex ikunu matematikament salvi.

Draw ta’ mingħajr gowls bejn Balzan u Marsaxlokk fejn dan ir-riżultat ma’ ssodisfa lill-ebda tim. Fil-fatt Marsaxlokk fil-bżonn tal-punti biex jitilgħu aktar ‘il fuq fil-klassifika filwaqt li Balzan riedu li jkomplu jippressaw għal post fl-Ewropa. Finalment ħadd ma’ kiseb il-punti massimi minn din il-partita li kienet aktar ibbażata fuq is-saħħa milli fuq it-teknika. Żewġ bidliet minn Balzan fejn il-kowċ Oliver Spiteri  beda bi Mladenovic u Braunovic flok Zerjal u l-aqwa skorer tagħhom Torres. Mill-banda l-oħra Pablo Doffo minkejja t-telfa kontra Gżira United, wettaq bidla unika fejn Daniel Agius kien mal-ewwel ħdax flok Vukovic. L-azzjonijiet kienu skarsi fuq il-lasti rispetti fejn wieħed stenna atteġġament aktar offensiv miż-żewġ naħat.

Gowl kmieni fil-partita fetaħ it-triq għal rebħa minn Żebbuġ Rangers dan wara li huma għelbu lil Gudja United 2-0. Rebħa li fissret tlett punti importanti għar-Rangers li issa jinsabu fit-tnax-il post tal-klassifika. Apparti r-rebħa u l-punti din kienet rebħa psikoloġika wkoll għat-tim immexxi minn Brian Spiteri li issa jibdew jemmnu aktar li jistgħu jaslu għat-tragward tagħhom. Mhux ser tkun faċli iżda mhux u impossibli peress li flimkien ma’ Pietà u Santa Lucia huma l-aktar favoriti li jissieltu kontra r-relegation minkejja li hemm timijiet oħra fuqhom bħal Marsaxlokk li mhumiex daqstant distakkati. Din kienet rebħa wara ħames telfiet konsekuttivi. Mill-banda l-oħra Gudja bdew bl-istess formazzjoni tal-aħħar logħba iżda forsi l-gowl kmieni seta’ kkundizzjona l-logħba.

Charles Lokoli Ngoy jiskorja l-ewwel gowl ta’ Żebbuġ minn penalty (Ritratt: Joseph Galea)

L-aktar rebħa ta’ tmiem il-ġimgħa waslet mingħand Mosta, dan wara li huma għelbu lil Pietà Hotspurs bl-iskor ta’ 4-0. Rebħa li tkompli tressaq lil Mosta lejn ħolma, dik li jerġgħu jilgħabu fil-kompetizzjonijiet tal-Ewropa.  Ir-riżultat jista jitqies bħala wieħed xi ftit qarrieqi peress li l-Hotspurs kellhom il-mumenti tagħhom ukoll u kien biss sitt minuti minn tmiem il-partita li Mosta skurjaw it-tieni gowl tagħhom. Iżda l-akbar daqqa ta’ ħarta li ħadu Pietà kienet id-deċiżjoni tal-penalty favur Mosta, peress li sa dak il-ħin ma’ setgħux isibu t-triq għall-gowl.  Kienet deċiżjoni kiefra ħafna ma’ Pietà. Biex fl-aħħar mumenti tal-partita Okoh, li kien għadu kemm daħal bħala sostitut skorja darbtejn biex Mosta komplew iżommu mat-timijiet ta’ fuq tal-klassifika.

Attakk ta’ Pietà lejn il-lasti ta’ Ini Akpan (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Gżira saħħew it-tieni post tal-klassifika b’rebħa ta’ 2-0 kontra Hibernians f’konfront dirett bejn it-timijiet li qed jissieltu għal post fl-Ewropa. L-eroj tal-ġurnata kien l-attakkant Jefferson de Assis li skorja ż-żewġ gowls tal-Maroons.  Rebħa li biha fetħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-istess Hibernians li jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika. Jidher li dan mhuwiex mument tajjeb wisq għall-Pawlisti li sofrew it-tielet telfa mill-aħħar erba’ logħbiet tagħhom. Gżira b’hekk qed ikomplu jikkonfermaw il-potenzjal tagħhom fejn taħt il-gwida tal-kowċ Darren Abdilla huma l-aktar tim konsistenti wara Ħamrun Spartans. L-objettiv tagħhom jibqa’ dejjem il-parteċipazzjoni fl-Ewropa, li huwa tragward annwali li prattikament qed jintleħaq dejjem, imma nemmen li issa jridu jagħmlu l-pass li jmiss, dak li jferrħu lill-partitarji Gżirjani b’xi unur.

Bjorn Kristensen ta’ Hibernians jipprova jisraq ballun lil Luis Riascos ta’ Gżira United (Ritratt: Joseph Galea)

Fl-aħħar nett Birkirkara żammew it-tielet post tal-klassifika, dan wara li huma għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 2-0. Minkejja li l-Istripes kienu  favoriti li jirbħu din il-logħba kienu ffaċċjati minn tim li kien ġej minn serje ta’ riżultati pożittivi, fosthom l-eliminazzjoni ta’ Floriana mill-FA Trophy. Iżda t-tim immexxi minn Enzo Potenza donnu li pprova jiddefendi ftit iż-żejjed biex kienu l-Istripes li approfittaw biex kisbu rebħa mistħoqqa. Verament li l-ewwel gowl kien rigal mill-gowlkeeper tas-Saints iżda Birkirkara kienu l-aħjar tim tul id-disgħin minuta. Għal Santa Lucia din kienet telfa li poġġiethom mill-ġdid fil-post ta’ qabel tal-aħħar wara r-rebħa ta’ Żebbuġ Rangers. Issa kull logħba hija finali għax telf ta’ punt jew punti jista jfisser verdett iebes u tqil.

L-ewwel gowl ta’ Birkirkara skorjat minn Enzo Cabrera (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

INNUTAJNA

LI  Il-President ta’ Pietà Hotspurs kif ukoll xi diriġenti kellhom kliem iebes fil-konfront tar-referee tal-partita tagħhom kontra Mosta. Apparti li rrimarkaw għan-numru ta’ penalties li kellhom kontrihom dan l-istaġun, saħqu li dan ta’ nhar is-Sibt kien penalty ivvintat fejn skont huma l-inkonsistenza f’ċertu deċiżjonijiet qed ikompli jnaffar ħafna nies.

LI  matul il-ġimgħa li għaddiet inqalgħet kontroversja rigward ix-xewqa tal-President ta’ Ħamrun Spartans Joseph Portelli li hi dik li jilgħab fil-Kampjonat Premier. Bit-tim tiegħu b’vantaġġ ta’ ħdax-il punt fil-quċċata tal-klassifika, jidher li l-Ispartans kapaċi jkunu kurunati Champions meta jkun fadal ħafna logħbiet. Dan ser jgħin il-kawża ta’ Portelli dejjem jekk l-MFA taċċetta r-riżenja ta’ Portelli kif ukoll jekk taċċettta r-reġistrazzjoni tiegħu.

LI  s-sitwazzjoni fit-Tony Bezzina Stadium mhux komda għas-supporter speċjalment f’dan ix-xhur tax-xitwa. Fil-fatt m’hemm l-ebda ilqugħ issa li bdiet il-kesħa u agħar minn hekk ġieli tkun ix-xita wkoll. Minkejja li x-xogħol fuq it-tinda huwa importanti ħafna imma jidher li dan qed jieħu fit-tul wisq.