L-użu tal-iskejjel biex b’xi mod tiġi mpinġija stampa sabiħa li tnessi l-qtil tal-għasafar, hu kundannabbli
Fi stqarrija, il-BirdLife Malta qalet li fil-ġurnata tal-lum meta d-dinja kollha, inkluż Malta u Għawdex, qed jippruvaw isibu mezzi aħjar ta’ konservazzjoni u ħarsien tan-natura, il-promozzjoni tal-qtil tal-għasafar tmur proprju bil-kontra ta’ dawn l-isforzi.
Huwa tabilħaqq tal-mistħija u imbarazzanti li l-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima qed jippermetti l-użu tal-iskejjel tagħna bit-tfal tagħna, biex jipprova jagħti palata ħalli tiġi ġġustifikata r-realtà tal-kaċċa f’Malta. Il-kaċċa mhix ta’ benefiċċju għall-ġid komuni ta’ pajjiżna. Issir biss għall-gost u l-benefiċċju ta’ dawk li joqtlu l-għasfur. Ma jeżistu l-ebda sforzi ta’ konservazzjoni f’Malta li jinħtieġu l-kaċċa. M’hemm l-ebda ħtieġa li dak li jkun joqtol għasfur sabiex iħawwel siġra jew jibni ħajt tas-sejjieħ. L-att tal-kaċċa f’Malta hu immorali, irrispettivament minn jekk jitwettaqx fil-kumpanija ta’ kelb, jew waqt li qed tibni ħitan tas-sejjieħ, inkella qed tħawwel is-siġar.
F’pajjiż Ewropew żviluppat bħal tagħna, m’hemm l-ebda ħtieġa, jew xi ġustifikazzjoni loġika, għall-kaċċa. Dawn huma biss tattiċi qarrieqa intiżi li jippruvaw ipinġu stampa sabiħa li ttaffi l-konsegwenzi veri tal-kaċċa – l-għasafar maqtula b’tiri ta’ senter.
Aħna nilqgħu s-sentimenti u t-tħassib espressi mill-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo fuq il-fatt li wara kollox il-kaċċa ssir ukoll bl-użu tal-armi, u direttament jew indirettament, dan jista’ jibgħat messaġġ ħażin lit-tfal.
Il-fatt li l-Malta Union of Teachers (MUT) ukoll hija kontra esebizzjoni bħal din huwa inkoraġġanti minħabba li aħna qed nitolbu lill-edukaturi kollha biex ma jaċċettawx din il-wirja fl-iskejjel tagħhom.
Nittamaw li l-awtoritajiet edukattivi fi ħdan il-Ministeru u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni jifhmu l-argumenti tagħna flimkien ma’ dawk ta’ kull min semma’ leħnu. Nappellaw lill-edukaturi kollha madwar il-pajjiż biex jieqfu kontra din il-wirja u jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom.
Fl-aħħar, inħeġġu lill-għaqdiet tal-kaċċaturi biex jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq il-ħidma biex jedukaw u jikkontrollaw il-membri tagħhom, l-ewwel u qabel kollox.
//= $special ?>