Lokali

Iffirmat ftehim biex jgħin tfal li fittxew l-ażil f’Malta

Ġie iffirmat ftehim li se jkun qed iwitti t-triq għal proċess ta’ parteċipazzjoni mat-tfal milquta minn kunflitti tal-Gwerra, biex titwassal il-vuċi tagħhom.

Dan il-ftehim, li ħadmet għalih il-President Emeritu, Marie Louise Coleiro Preca bħala parti mill-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, se jkun qed jassigura li jsiru laqgħat ma’ tfal minn komunitajiet differenti li ġew milquta minn kunflitti u fittxew l-ażil f’Malta.

Dawn il-laqgħat għandhom l-għan li joħolqu spazju sigur biex dawn it-tfal jaqsmu l-esperjenzi, jiddiskutu l-bżonnijiet tagħhom u jidentifikaw l-isfidi li jiffaċċjaw.

Il-President Emeritu spjegat ma’ Net News kemm dawn it-tfal jgħaddu minn affarijiet qabel jaslu f’pajjiż sigur. U huwa għalhekk li dan il-ftehim huwa tant importanti għalihom.

Skont il-UNHCR, kien hemm 832 persuna li waslu Malta bil-baħar fl-2021 u minn dawn 25% kienu tfal mhux akkumpanjati u separati mill-ġenituri u l-gwardjani taghhom. Mijiet ta’ tfal waslu pajjiżna minn żoni ta’ kunflitt bħall-Palestina, is-Sirja u anke l-Ukrajna.