Internazzjonali

Il-Gvern Taljan se jerġa’ jraħħas il-kontijiet tad-dawl

Mil-bidu tas-sena, il-prezz internazzjonali tal-gass ħa daqqa ‘l isfel. U allura, b’riżultat ta’ dan…diversi pajjiżi qed jagħżlu li jirriflettu dan it-tnaqqis fuq il-konsumaturi, biex il-familji jieħdu ftit tan-nifs mill-piż tal-kont tad-dawl.

Fil-fatt, il-prezz tal-gass qatt ma kien daqstant baxx fl-aħħar 11-il xahar minn kemm ilha li faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna. U dan il-fenomenu qed jinħass mhux biss fl-Ewropa, iżda anke fl-Istati Uniti fejn il-prezz medju niżel bin-nofs.

Riżultat ta’ dan iċ-ċaqliq, bosta gvernijiet qed ikunu pro-attivi – fosthom l-Italja.

Din il-ġimgħa l-Gvern ta’ Giorgia Meloni ħabbar li se jkun qed iqaċċat 33% fuq il-piż tal-enerġija għall-familji Taljani. U b’hekk se jkun qed jagħti sostenn kbir minħabba l-piż tal-għoli tal-ħajja.

Huwa ikkalkulat li familja Taljana, f’sena, se tkun qed tiffranka xejn anqas minn €712. Wieħed minn kull tliet Taljani se jkun qed iħoss dan ir-roħs.

Dan se jkun it-tieni tnaqqis fil-prezz tal-enerġija għall-familji fl-Italja, wara li f’Jannar il-kontijiet tad-dawl kienu diġa’ roħsu b’20 fil-mija.

Il-ġimgħa li għaddiet, anke l-Kummissjoni Ewropea bdiet pass importanti biex tiġġieled l-isfida tal-prezzijiet tal-enerġija. Bil-Kummissjoni tipproponi riforma fis-suq, illi se tiġi preżentata f’Marzu wara li jintemm il-perijodu ta’ konsultazzjoni li tnieda fit-23 ta’ Jannar. Dan sabiex jiġu protetti l-familji u n-negozji madwar l-Ewropa minn ċaqlieq eżaġerat fil-prezzijiet tal-enerġija.