Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-Ġermanja se tipprovdi t-tankijiet ‘u mhux fighter-jets’

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, warrab għall-possibbiltà li pajjiżu  jibgħat l-ajruplani tal-gwerra lill-Ukrajna biex din tirreżisti aħjar l-offensiva tal-qawwiet Russi fl-artijiet tagħha.

Dan sar magħruf jiem biss wara li l-Ġermanja impenjat ruħha biex tibgħat it-tankijiet tal-gwerra lill-Ukrajna, b’ Olaf Scholz, waqt intervista lill-media Ġermaniża, iwissi lill-pajjiżi biex jevitaw li jispiċċaw f’tellieqa għall-armamenti.

Madankollu, l-Ukrajna qed titlob lill-pajjiżi alleati tal-Punent biex iwaqqfu koalizzjoni ta’ fighter jets bħala element ġdid għal difiża effettiva kontra l-aggressjoni tar-Russja. Dan waqt li l-Istati Uniti għandha tiddiskuti ‘b’attenzjoni’ il-possibbiltà li tipprovdi dawn l-ajruplani lill-Ukreni ladarba r-rappreżentanti tal-Gvern Amerikan jiltaqgħu mal-awtoritajiet fi Kiev, nhar il-Ħamis.

Intant, il-Gvern Ġermaniż fil-preżent qed jikkonċentra fuq it-trasferiment tat-tankijiet tal-gwerra ‘Leopard 2’ lill-Ukrajna wara li kien ilu żmien taħt pressjoni mill-Alleati biex jieħu dan il-pass fid-dawl tal-kriżi li qed tiżviluppa għall-Ewropa kollha.Sadanittant, l-Istati Uniti qalet li għandha tipprovdi hi ukoll it-tankijiet – tat-tip M1 Abrams – lill-Ġermanja.

Il-Viċi-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Andrij Melnyk, fl-istess ħin, qed ikompli jsejjaħ għall-‘koalizzjoni tal-fighter jets’ bil-ħsieb li din tipprovdi lill-Ukrajna bl-ajruplani tat-tip F-16, F-35, Eurofighter, Tornado, Rafales u Gripen jets.

Il-Gvern Ukren anki qed jitlob il-missili minn barra bil-għan li jnaqqas drastikament il-potenzjal militari tar-Russja.

Fil-fatt, il-President Zelensky irrepeta li pajjiżu jeħtieġ il-missila ATACMS, li tipproduċi l-Istati Uniti, u li kapaċi twassal fuq distanza ta’ madwar 300 kilometru. Skont Zelensky, din l-arma u missili oħra għal fuq id-distanzi twal għandhom jgħinu biex l-Ukrajna tantiċipa l-attakki tar-Russi fuq iċ-ċivili u z-zoni urbani tal-Ukrajna.