Lokali Qorti

Il-Kamra tal-Avukati tikkundanna dak li qal Robert Abela dwar taħdidiet li kellu ma’ Maġistrat

“Mhux kompitu tal-Qrati li twassal messaġġi lis-soċjeta iżda huwa kompitu tal-politiċi”

Il-Kamra tal-Avukati “ma tistax ħlief tesprimi d-diżappunt tagħha fir-rigward ta’ ċerti stqarrijiet tal-Onorevoli Prim Ministru”.

Hekk saħqet il-Kamra tal-Avukati fi stqarrija uffiċjali wara li l-Ħadd filgħodu f’attività tal-Labour Robert Abela saħaq li kellem Maġistrat.

Ġie spjegat li l-Qrati m’għandhom l-ebda responsabbiltà li jgħaddu messaġġi lil xi ħadd, iżda biss dak li jiddeċiedu skont il-merti tal-kawżi pendenti quddiemhom..b’mod indipendenti u imparzjali, billi japplikaw il-liġi fil-konfront ta’ kulħadd mingħajr eċċezzjoni.

Il-Kamra spjegat li diskorsi fejn jiġġeneralizzaw x’deċiżjonijiet ikunu ttieħdu f’ċertu kawżi mingħajr ma tkun saret analiżi dettaljata huma biss valutazzjonijiet superfiċjali.

Huma saħqu li jekk hemm xi messaġġi li jridu jingħataw lis-soċjetà dan mhux kompitu tal-Qrati iżda tal-klassi politika. Il-Kamra tal-Avukati saħqet li huma proprju l-politiċi li jilleġiżlaw u għaldaqstant huma jxandru l-messaġġ…sabiex sussegwentament il-ġudikanti jkunu obbligati japplikaw il-liġijiet.

Kompla jiġi spjegat li kull akkużat għandu jiġi pprovdut bl-aħjar difiża possibbli u skont il-liġi.

Dan filwaqt li insistew li dak li qal li seħħ il-Prim Ministru, jiġifieri djalogu bejnu u bejn ġudikant li jifforma parti mill-Maġistratura dwar materji b’rabta mal-funzjonijiet tal-ġudikatura tmur kontra l-Kodiċi tal-etika tal-ġudikatura jekk dan seħħ mingħajr ma saret konsulta mal-Prim’Imħallef.

Huma saħqu li dan huwa prinċipju bażiku li dejjem għandu jiġi rrispettat.

Il-Kamra tal-Avukati saħqet li wasal iż-żmien sabiex inħarsu b’serjetà kif tista’ tittejjeb s-sistema ġudizzjarja. Dan jikludi fost oħrajn titjib fir-riżorsi ġudizzjarji u amministrattivi kif ukoll riformi fil-liġijiet.