Lokali

Il-Kardinal Mario Grech mogħti l-unur ta’ “Cavalliere Gran Croce”

Din l-avventura storika nżammet fil-Palazzo Della Rovere ġewwa Ruma.

Il-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, ġie onorat bit-titlu ta’ “Gran Croce” tal-Ordni Ekwestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalem mill-Gran Mastru, il-Kardinal Fernando Filoni, nhar l-Erbgħa 25 ta’ Jannar 2023.

Delegazzjoni mmexxija mil-Logutenent Roberto Biontempo u komposta mill-membri tal-Kunsill tal-Legutenenza Maltija attendiet għal dan l-avveniment storiku li nżamm fis-sede tal-Ordni, fil-Palazzo Della Rovere, li jinsab ftit metri l-bogħod minn Pjazza San Pietru f’Ruma.

L-għada, il-membri tal-Kunsill kienu mistiedna għall-Quddiesa ta’ radd il-ħajr, iċċelebrata mill-Kardinal Grech fil-Kappella Klementina li tinsab fil-Grotti nekropolitani ta’ taħt l-art u l-Kripti tal-Papiet li hemm fil-Bażilika ta’ San Pietru.  Fil-quddiesa kkonċelebra wkoll ir-Rev. Kan. Fr. Robin Camilleri.

B’madwar 30,000 Kavallieri u Dami mifruxa madwar id-dinja, l-Ordni hija uffiċċjalment rikonoxxuta mill-Papa.  Il-missjoni tagħha hija li tissapportja permezz tad-donazzjonijiet, bil-Pastorali, bix-xogħol soċjali u edukattiv tal-Patrijarkat ta’ Ġerusalem, li jinkludi anke t-territorji tal-Gordan, il-Palestina, Iżrael u Ċipru. L-aspett filantropiku tal-attivita’ tal-Ordni hija relatata qrib ħafna mal-impenn Spiritwali tal-membri u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-Pellegrinaġġi fl-Art Imqadsa, it-tnejn li huma jkomplu jkabbru r-rabtiet bejn il-Knisja Materna ta’ Ġerusalem, il-Knejjes lokali u l-Knisja Universali