Lokali Parlament

Il-Ministru għal Għawdex bla tweġiba dwar €1 miljun f’sahra, dwar il-Gozo Innovation Hub u dwar il-park and ride fix-Xewkija

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ma kellux tweġiba parlamentari dwar kif saru €1 miljun f’sahra fil-ministeru tiegħu stess, dwar kemm hemm kumpaniji fil-Gozo Innovation Hub u dwar il-park and ride fix-Xewkija.

Il-Ministru Clint Camilleri spiċċa ġġustifika l-għoti ta’ €1 miljun f’sahra mhux spjegata u bla dettalji mill-ministeru tiegħu stess li l-Awditur Ġenerali stabilixxa f’rapport li hu għamel u ma tax dettalji dwar kif dawn intefqu.

Kien fil-ħin tal-mistoqsijiet tal-parlament li l-Ministru għal Għawdex ma weġibx mistoqsija supplimentari tad-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo li staqsa lill-Ministru għal Għawdex biex jispjega u jagħti dettalji dwr kif inhu possibbli li l-Awditur Ġenerali kkonferma li saru €1 miljun f’sahra fil-Ministru għal Għawdex iżda dwar dan m’hemm l-ebda spjega.

Il-Ministru għal Għawdex qal biss li kull fejn hemm l-allowances iridu jitħallsu u fejn saret sahra din trid titħallas ukoll. Minkejja din it-tweġiba l-Ministru għal Għawdex baqa’ ma tax id-dettalji ta’ kif fil-fatt intefqu dawn il-€1 miljun.

Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Alex Borg dwar kemm hemm kumpaniji fil-Gozo Innovation Hub, il-Ministru għal Għawdex Camilleri reġa’ ma weġibx u qal biss li Għawdex għandu sfida għal investiment fil-gaming u fl-industrija diġitali minħabba l-konnettività li tiddependi fuq fibre optic cable wieħed. Hu qal li l-gvern investa fit-tieni fibre optic cable li sar fil-perjodu tal-pandemija u sostna li llum hemm serħan il-moħħ.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa lill-Ministru Camilleri dwar il-park and ride fix-Xewkija fejn staqsih kemm minn dan il-proġett qed isir hu fuq art verġni bil-Ministru għal Għawdex jwieġeb biss li fiż-żona kien jintrema’ l-iskart u li l-parkeġġ se jesa’ madwar 300 karozza.