Internazzjonali

Il-Pakistan: Talanqas 50 mejtin wara splużjoni f’moskea ta’ Peshawar

Mietu talanqas 50 – b’150 jindarbu – fi splużjoni ta’ bomba f’moskea pakkjata bin-nies fil-belt ta’ Peshawar. L-isplużjoni qerdet sezzjoni tal-bini u bħalissa għaddejja tfittxija intensiva għan-nies irrappurtati nieqsa u li x’aktarx li spiċċaw taħt it-tifrik tal-moskea. Fl-isplużjoni mietu wkoll numru kbir ta’ pulizija fost l-ispekulazzjoni li dawn l-uffiċjali kienu l-vera mira tal-attakk.

L-ewwel rapporti qalu li l-isplużjoni kienet dovuta għal aggressur suwiċida li kien bilqiegħda fil-parti ta’ quddiem tal-moskea – li tifforma parti minn kumpless tal-pulizija – u fejn hu tajjar il-bomba li kien qed iġorr fuq persuntu. Intant, dan ma kienx ikkonfermat mis-sorsi uffiċjali waqt li l-ebda grupp ma ħa responsabbiltà għal din l-atroċità.

Ingħad li bejn 300 u 400 uffiċjal tal-Pulizija kienu preżenti fiz-zona tal-moskea meta seħħet l-isplużoni. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Pakistani Shehbaz Sharif ikkundanna l-attakk bla riservi u sostna li n-nies responsabbli ‘ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-Islam’. Hu kompla li l-poplu Pakistani kollu jinsab magħqud kontra t-theddida tat-terroriżmu.