Internazzjonali

In-NATO: It-Turkija qed tkompli tostakola l-applikazzjoni tal-Iżvezja

NATO, Turkish, Swedish and Finnish flags are seen in this illustration taken May 18, 2022. REUTERS/Dado Ruvic/Illustration

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, issuġġerixxa li pajjiżu kapaċi jaqbel mal-isħubija tal-Finlandja fl-Alleanza tan-NATO filwaqt li ma jaċċettax l-isħubija tal-Iżvezja. Dan waqt li Erdogan ikkritika lill-Iżvezja talli qed tirrifjuta li testradixxi lejn it-Turkija għexieren ta’ nies b’allegati rabtiet mal-gruppi militanti tal-Kurdi, flimkien ma’ kritiċi oħrajn tal-Gvern Tork.

Erdogan stqarr ċar u tond li ‘jekk l-Iżvediżi qed jaħsbu f’futur bħala membri tan-NATO huma jeħtieġu jirritornaw lil dawk l-elementi lit-Turkija’ filwaqt li hu irrefera għan-nies imfittxija minn Ankara bħala ‘terroristi’.

Jiem ilu, it-Turkija sospendiet it-taħditiet biex taċċetta liż-żewġ Stati Skandinavi bħala membri tan-NATO. L-applikazzjonijiet tal-Finlandja u l-Iżvezja jridu jkunu approvati unanimament mill-Istati-membri kollha tan-NATO – bit-Turkija u l-Ungerija qed iżommu lura milli jirratifikaw dawn l-applikazzjonijiet.

L-Iżvezja u l-Finlandja, is-sena l-oħra, kienu applikaw biex jissieħbu fin-NATO b’reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja.

Sadanittant, it-Turkija tinsab ukoll urtata għal sensiela ta’ protesti li saru fl-Iżvezja u li fihom ingħata n-nar lil kopja tal-Koran. U waqt li l-uffiċjali Żvediżi kienu kundannaw l-azzjoni, huma defendew il-liġijiet ta’ pajjiżhom li jippermettu l-espressjoni ħielsa.