Lokali Parlament

Irridu nassiguraw li l-Ollokawst ma jerġax iseħħ; l-istorja għandha tkun mgħallma

Beppe Fenech Adami, PN

Il-Parlament Malti fakkar il-vittmi tal-Ollokawst li seħħ fit-Tieni Gwerra Dinjija u li fih il-Faxxisti u n-Nażisti qatlu sitt miljun Lhudi fil-kampijiet ta’ konċentrament.

Fit-tifkira parlamentari tkellmu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, id-deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni li m’għandhiex tkun biss dik formali iżda bl-eżempju. Hu qal li l-adulti għandhom repsonsabbiltà lejn is-soċjetà li għandah tkun mibnija fuq valuri soda. L-Ispeaker tkellem ukoll dwar l-indifferenza fis-soċjetà meta seħħ l-Ollokawst u qal li din l-esperjenza tgħallem lil kulaħdd li ħadd m’għandu jibqa’ sieket quddiem l-inġustizzja.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami semma’ l-ħruxijiet li sofrew il-Lhud fil-kampijiet tal-konċentrament fl-Ollokawst u qal li aktar minn qatt qabel, it-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ikunu mgħallma dwar dan l-akbar att ta’ kriminalità li sar fl-istorja tal-bniedem fejn iktar minn sitt miljun Lhudi inqatlu sempliċiment għax kienu Lhud.

Hu qal li l-istorja għandha tgħallem ukoll kif kien possibbli li dan seħħ u kif l-umanità dawret wiċċha għal tant żmien li ħalliet dan iseħħ; kien hemm tant li dawru wiċċhom u baqgħu siekta biex inqatlu sitt miljun persuna.

Id-deputat Nazzjonalista qal li din il-kattiverija tista’ terġa’ ssir kif ġara fil-Bosnja, fir-Rwanda, fil-Kambodja u f’pajjiżi oħra. Hu sostna li minbarra t-tifkira, jeħtieġ it-tagħlim biex l-Ollokawst ma jerġa’ jseħħ qatt iżjed.

Biex ma jerġa’ jiġri dak li seħħ, jeħtieġ li l-mibgħeda tkun rifjutata anki fuq bażi ta’ razza. L-anti-semitiżmu m’għandux jitħalla jrabbi l-għeruq fl-ebda pajjiż u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem għadhom ikunu rispettati dejjem. L-ebda skuża ma’ tiġġustifika li d-drittijiet tal-bniedem ma jkunux rispettati.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Faxxisti u n-Nażisti ġarrew lil-Lhud fil-kampjiet ta’ konċentrament anki minn Ruma fosthom tfal u trabi li kienu assasinati propju f’dawn il-kampijiet, sostna Beppe Fenech Adami.