Lokali

Ixxukjati bl-ammissjoni tal-Prim Ministru dwar il-mod li bih tkellem ma’ Maġistrat

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet illi jinsabu xxukkjati bl-ammissjoni ta’ Robert Abela il-bieraħ filgħodu li f’dawn il-jiem hu tkellem ma’ Maġistrat dwar kif jingħataw is-sentenzi mill-Qrati. Il-prassi, is-sens ta’ prudenza u l-Kodiċi ta’ Etika tal-ġudikatura jiddettaw li l-eżekuttiv ma jikkomunikax ma’ membri tal-ġudikatura fil-privat, iżda esklussivament mal-prim imħallef u b’mod strettament uffiċjali.

L-aġir ta’ Robert Abela hu perikoluż għaliex jikser il-prinċipji tad-demokrazija u tas-separazzjoni tal-poteri tal-Istat.
Il-fatt illi l-Prim Ministru ħassu komdu jammetti dan l-abbuż b’mod daqstant leġġer juri kemm ma jħaddanx, anzi jżeblaħ, il-prinċipji bażiċi ta’ etika fil-ħajja pubblika u tal-awtonomija tal-istituzzjonijiet pubbliċi.

Dan jikkostitwixxi abbuż gravi fih innifsu u fl-istess waqt iqajjem suspetti kbar dwar għemil ieħor li Robert Abela u sħabu jagħmlu biex jindaħlu fl-operat tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Kull jum li jgħaddi qed naraw lill-Gvern jimmina u jnaqqar minn dak li fadlilna mid-demokrazija tagħna.
Fid-dawl tal-gravita’ ta’ dan l-abbuż li sar b’ammissjoni tal-prim ministru stess, Repubblika ser tikteb lill-President tar-Repubblika bħala l-garanti tal-Kostituzzjoni.