Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ sentejn ħabs wara li ħebb għat-tfajla tiegħu

Argument bejn koppja f’Awwissu li għadda fejn fiha mara spiċċat b’imnieħirha miksur u bl-eks għarus tagħha jispiċċa l-Qorti u jiġi kkundannat sentejn ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati. kellu s-sentenza konfermata mill-Qorti tal-Appell Kriminali.

Sava Rajakov, ċittadin Serb ta’ 27 sena li jaħdem bħala delivery man, kien instab ħati li kkommetta nċident vjolenti li seħħ fir-residenza tal-mara fil-Qrendi. Argument inqala’ għall-ħabta tal-4pm u eskala aktar tard dakinhar filgħaxija meta jidher li l-mara bdiet tippakkja l-basktijiet tal-għarus tagħha biex jitlaq.

Dak kien meta huwa taha daqqa ta’ ras lill-mara. Il-ġrieħi tagħha ġew sussegwentement iċċertifikati bħala gravi minn tabib li kkonferma li l-imnieħer tal-vittma kien miksur. L-aggressur kien ammetta l-akkużi iżda appella dwar il-piena li kien ingħata. Mill-Qorti ħareġ li l-argument bejn il-koppja kien inqala’ fuq tiolet brush.

Ir-raġel kien qal li kien “dispjaċut ħafna” dwar l-inċident u kien ikkopera mal-pulizija tul il-ħin kollu. L-uniku dispjaċir tiegħu kien li din ir-relazzjoni kienet waslet fi tmiemha. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li semgħet l-appell, għamlitha ċara li l-vjolenza fiżika qatt mhi ġustifikata, “aħseb u ara li tagħti daqqa b’rasek lis-sieħba fuq argument frivolu dwar it-toilet brush” sostniet l-Imħallef.

Kien għalhekk li ċaħditlu l-appell u kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati b’rabta ma’ dan il-każ li kien investigat mill-Ispettur Sherona Buhagiar.