Lokali

L-Avukati jikkundannaw id-diskors ta’ Abela – Owen Bonnici ma jweġibx

Dan huwa d-diskors eżatt illi lissen Robert Abela nhar il-Ħadd f’Birkirkara.

Diskors li qalu waqt attivita politika tal-Labour….u li kien għal kollox ikkundannat minn bosta professjonisti u esperti fil-qasam legali, fosthom il-Kamra tal-Avukati, li esprimiet id-diżappunt tagħha għal dak li qal il-Prim Ministru.

Il-Kamra tal-Avukati spjegat li mhux kompitu tal-Qorti li twassal messaġġi lis-soċjetà iżda huwa kompitu tal-politiċi – huma jridu jilleġislaw, u l-ġudikatura tapplika l-liġi.

Il-Kamra insistiet li tali taħdidiet illi semma’ li kellu l-Prim Ministru ma’ Maġistrat dwar funzjoni tal-ġudikatura imorru kontra l-kodiċi tal-etika, ladarba ma tkunx saret konsultazzjoni qabel mal-Prim Imħallef. Dan għaliex, skont il-Kamra, din hija prassi bażika.

Il-Kamra tal-Avukati spjegat li tali diskors li jiġġeneralizza x’deċiżjoni tkun ittieħdet f’ċertu kawżi mingħajr analiżi dettaljata huwa diskors superfiċjali …u insistew li kull persuna ħaqqha l-aħjar difiża possibli.

Intant, Net News staqsa lill-Ministru Owen Bonnici – li għal xi żmien kien responsabbli wkoll mill-ġustizzja –  jekk hu qattx kellu xi taħdita ma’ Maġistrat. Iżda mingħajr ma weġibna IVA jew Le…bi skumdità enormi, ħarab mid-domanda u wieġeb dwar il-Karnival.

Mistoqsi dwar il-problema ta’ sigurtà f’pajjiżna Bonnici stqarr li l-Gvern qiegħed jagħmel minn kollox…u għal darb’oħra żeffen fin-nofs il-Karnival hekk kif din l-intervista saritlu wara konferenza tal-aħbarijiet rigward il-Karnival 2023.

B’rabta mas-suġġett tal-Karnival, Net News staqsa lill-Ministru fiex waslet il-wegħda numru 727 tal-Manifest Elettorali Laburista – b’Owen Bonnici l-ewwel bl-aktar mod evidenti ma kellux idea liem waħda kienet, u sussegwentament…meta spjegajnilu li kienet fuq il-fatt li kellhom isibu post adegwat f’Għawdex biex jintuża mid-dilettanti tal-Karnival…huwa farfarha fuq il-Ministru Clint Camilleri…u xorta waħda għoġbu li ma jweġibx.

Dan ifisser li d-dilettanti tal-Karnival f’Għawdex għadhom qed jistennew…l-istess bħal dawk f’Malta li għadhom qed jistennew dwar x’se jsir mill-wegħda b’rabta mal-imħażen fil-Villaġġ tal-Karnival.