Lokali

Manifest ta’ ħidma favur persuni transgender f’pajjiżna

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia ġie ppreżentat b’manifest ta’ ħidma favur persuni transgender sabiex jgħixu ħajja ugwali bħal kull persuna oħra.

Il-manifest, li ġie ppreżentat minn Louisa Grech wara ħidma bejn l-għaqda Drachma u l-European Network of Parents, huwa proġett ta’ sena li jikkonsisti minn esperjenzi ta’ ġenituri, kemm Maltin u anke barranin, li għandhom tfal u żgħażagħ transgender.

Grech spjegat kif għad hawn pajjiżi li ma jaċċettawx persuni transgender tant li jekk juru x’inhuma, lanqas biss jingħataw kura f’pajjiżhom.

Kien għalhekk li ħassew il-bżonn li pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem favur persuni transgender biex fl-ebda mument ta’ ħajjithom ma jiġu mwarrba għax juru kif verament iħossuhom.

Minn naħa tiegħu, l-Ispeaker wiegħed li dan il-manifest se jkun qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati biex jassigura li kull persuna f’pajjiżna tgħix l-aqwa ħajja possibli.