Lokali

Melita tinvesti ‘l fuq minn €150 miljun fl-infrastruttura biex tissodisfa d-domanda għal konnettività kostanti

Matul dawn l-aħħar snin, Melita Limited investiet aktar minn €150 miljun fl-infrastruttura tan-network u t-teknoloġija tagħha, sabiex tħejji għaż-żieda kontinwa fid-domanda għall-konnettività u tissodisfa l-aspettattivi tal-klijenti għal downloads iktar veloċi u streaming bla xkiel.

Dan l-investiment kompla fl-aħħar xhur, hekk kif Melita ffukat fuq it-titjib tal-kwalità u l-kapaċità tal-infrastruttura tal-internet lokali u internazzjonali tagħha, billi introduċiet apparat u ċirkwiti tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, addattati għall-100G, u pprovduti minn Cisco, kemm f’Malta kif ukoll fiċ-ċentri ta’ Melita f’Pozzallo, Katanja u Milan.

Dan it-titjib fil-kapaċità tas-sinsla tal-internet ta’ Melita jippermetti aktar tkabbir kontinwu u żieda fil-konnettività, u b’hekk Melita tkun tista’ tibqa’ fuq quddiem nett f’dak li hu forniment tal-internet lokali u servizzi oħra ta’ konnettività.

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Melita Harald Roesch qal li, peress li l-użu tal-internet kulma jmur dejjem jiżdied, importanti ħafna li wieħed jippjana bil-quddiem sabiex jiżgura li l-infrastruttura tal-internet tkun tista’ tlaħħaq sew maż-żieda fit-traffiku.

Skont l-aħħar rapport tal-UE tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI), Malta tinsab fl-ewwel post meta tikkonsidra l-kopertura tan-netwerks ta’ kapaċità għolja, hekk kif Melita toffri 1,000Mbps madwar il-pajjiż kollu. Bla dubju dan qanqal aktar għatx għal broadband ultraveloċi.

Flimkien maż-żieda fil-kapaċità tagħha b’mod ġenerali, Melita kompliet tiddiversifika l-istrateġija rigward peering, li min-naħa tagħha sservi biex issaħħaħ ir-reżiljenza u tnaqqas l-impatt meta xi wieħed mill-fornituri tagħha jsofri xi interruzzjoni. Apparti milli jtejjeb il-kontinwità tas-servizz, dan jgħin biex l-esperjenza tal-klijent titjieb u tkun dejjem iktar ħielsa mill-problemi.